Monday, December 23, 2024

“Angelo Gafà bniedem etiku u b’viżjoni” – Il-Professur Andrew Azzopardi jfaħħar l-għażla tiegħu għal Kummissarju tal-Pulizija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Professur Andrew Azzopardi irrimarka li l-għażla ta’ Angelo Gafà għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija hija waħda li tagħtih kuraġġ fi żmien meta l-Korp għandu bżonn jerġa’ jikseb l-integrità tiegħu.

Azzopardi kien wieħed minn diversi persuni li ikkummentaw dwar id-deċiżjoni tal-Kabinett li jinnomina lil Gafa għall-ogħla kariga fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Huwa ddeskriva lil Gafa bħala bniedem etiku, b’viżjoni, bravu, sensittiv u li jħobb il-Korp u esprima t-tama li bih il-Pulizija tiffoka fuq in-numru ta’ każijiet serji u pendenti li għandu quddiemu.

“Nittama li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jappoġġjaw it-tnejn din il-ħatra”, żied jgħid il-Professur Azzopardi dwar l-għażla ta’ Gafà li fil-preżent jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Pulizija.

L-appell tiegħu ma jidhirx li se jinstema hekk kif il-PN u esponenti tiegħu mill-ewwel ħarġu jattakkaw in-nomina ta’ Gafà anke jekk dan għad irid jidher quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-Pulizija Beppe Fenech Adami irrimarka li l-probation ta’ sena marbuta mal-kariga tfisser li jekk ma jogħġobx lill-Gvern jew jipprova jinvestiga l-abbużi jew każijiet ta’ korruzzjoni jispiċċa jitneħħa.

Min-naħa tiegħu d-deputat Jason Azzopardi, fuq Facebook, sostna li kieku l-Kabinet għamel deċiżjoni onesta kien jagħżel l-ewwel Kummissarju tal-Pulizija mara għax hi ġiet t-tieni u żied li l-Prim Ministru għażel lil min mhux se jieħu pass kontra l-korrotti.

Fil-kumment tiegħu Azzopardi kien qed jirreferi għall-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo li flimkien ma’ Gafa kienet dik riferuta mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku wara li dan sema l-14-il persuna li wieġbu għas-sejħa u applikaw għall-kariga.

Għall-kumment tal-Avukat Azzopardi wieġbu wieħed li staqsih jekk jaħsibx li Gafà mhuwiex tajjeb biex jokkupa l-ogħla kariga fil-Korp bid-deputat Nazzjonalista jwieġbu bil-frażi “jekk tkun tafu tkun taf”.

Numru ta’ partitarji Nazzjonalisti wkoll komplew f’din il-linja ta’ kritika fil-konfront ta’ Gafà li għandu 41 sena u qabel ma daħal fil-Korp fl-2003 serva fil-Forzi Armati.

F’April 2004 huwa laħaq spettur u kien jagħmel parti mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi fejn serva sa Ġunju 2013 qabel ma daħal fis-Servizz Sigriet sakemm fl-2018 ġie promoss bħala Supretendent. Kien wara sejħa pubblika li f’Diċembru 2016 inħatar Kap Eżekuttiv.

Gafà ggradwa darbtejn mill-Università ta’ Malta, fejn anke jgħallem fid-Dipartiment tal-Kriminoloġija, u anke mill-Università ta’ Leicester fir-Renju Unit.

Ekonomija

Sport