Friday, November 15, 2024

Anima: Kunċert ta’ Mużika Sagra mis-Soċjetà Filarmonika L-Unjoni

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt 2 ta’ April 2022, is-Soċjetà Filarmonika L-Unjoni ta’ Ħal Luqa ser ittella’ kunċert ta’ mużika sagra, għal żmien ir-Randan Imqaddes, bl-isem ‘Anima’. Dan ser isir fil-Knisja Parrokkjali ta’ Sant’ Andrija Appostlu, Ħal Luqa, u fih ser tieħu sehem il-Banda L-Unjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Mro John David Zammit, flimkien ma’ diversi solisti. 

Il-mużika magħżula għal dan il-kunċert ħarget mill-pinna ta’ diversi kompożituri, b’diversi arranġamenti jsiru għal banda apposta għal dan il-kunċert. Fost is-siltiet klassiċi li ser jindaqqu nsibu s-silta popolari ‘Adagio in G minor’ ta’ Tomaso Albinoni, ‘Canon in D’ ta’ Johann Pachelbel u ‘Fantasia in C minor’ ta’ Ludwig Van Beethoven.

Minn naħa l-oħra, fost is-siltiet kontemporanji nsibu t-tema mill-film ‘Moses’ ta’ Ennio Morricone u ‘Pie Jesu’ mir-Requiem ta’ Andrew Lloyd Webber. Bħala siltiet mill-kompożituri lokali nsibu, fost l-oħrajn, ‘Christus’ tal-Profs Charles E. Zammit u ‘Meditazione per il Venerdi Santo’ mill-pinna tas-Surmast John David Zammit. Flimkien mal-Filarmonika L-Unjoni ser jieħdu sehem ukoll it-Tenur Brian Cefai, is-Sopran Anita Frendo u l-Alto Michaela Deguara.

Il-kunċert hu bla ħlas u kull min hu interessat jattendi hu ġentilment mitlub li jkun f’postu fis-7.15pm. Dan il-kunċert qed isir bl-għajnuna tal-iskema ‘Programme Support’ tal-Kunsill Malti għal Arti.

Ekonomija

Sport