Sunday, September 15, 2024

“Anke fl-aktar mumenti ebsin tista’ ssib raġuni għalfejn tqum tiġri wara l-ħolm tiegħek”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kurt Calleja fl-ewwel reazzjoni wara r-rebħ tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika

“Il-messaġġ tal-kanzunetta huwa li anke fl-aktar mumenti ebsin tal-ħajja tista’ ssib il-pożittivita, tista’ ssib raġuni għalfejn tqum filgħodu u tmur tiġri wara l-ħolm tiegħek. Hija wkoll ċelebrazzjoni ta’ mħabba lejn il-mużika u l-lirika Maltija”. Iddikjara dan ma’ Talk.mt ir-rebbieħ tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika Kurt Calleja.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara li ngħata l-aħbar li huwa kien ntagħżel bħala r-rebbieħ tal-festival Mużika Mużika, Calleja qal li kien kuntent ħafna għaliex dik magħżula mill-ġurija u mill-pubbliku kienet kanzunetta li ħarġet verament minn qalbu. Huwa qal li jħossu onorat li għal darba oħra f’din l-edizzjoni kellu l-privileġġ li jkanta fil-kumpanija tal-orkestra Maltija.

Mistoqsi dwar il-futur tiegħu, Calleja qalilna li se jkompli jaħdem fuq it-tkattir tal-lingwa Maltija fil-mużika u qiegħed jaħdem fuq proġetti oħra li se jkun qiegħed jaħdem fuqhom iżda dwar dan se jkun qiegħed iħabbar aktar ’il quddiem fuq il-profili tiegħu tal-midja soċjali.

“Grazzi minn qalbi, grazzi immens! Nispera li l-kanzunetta tkun għal qalb il-poplu kollu u ovjament il-poplu Malti jibqa’ għal qalbi f’dan l-unur tal-mużika Maltija”, temm jgħid Calleja.

Il-kanzunetta ‘BLA TARF’ hija miktuba minn Kurt stess u twieldet mill-istorja ta’ koppja li ltaqgħu minn programm ta’ droga u li meta kienu qed jaqtgħu qalbhom kienu hemm għal xulxin tant li spiċċaw gradwaw, siefru u anke żżewġu.

Aktar premjijiet fis-serata finali…

  • Fit-tieni post ġiet il-kanzunetta ‘TKUN ‘L HAWN GĦADDI’ interpretata minn Kantera, lirika ta’ Joe Julian Farrugia u mużika ta’ Elton Zarb. Din l-interpretazzjoni ngħatat premju wkoll għall-Aħjar Arranġament Mużikali.
  • Fit-tielet post ġiet il-kanzunetta ‘ĠMIELEK’ interpretata minn Claudia Faniello, lirika ta’ Joe Julian Farrugia u mużika ta’ Philip Vella
  • Avenue Sky ngħataw premju għall-aħjar Interpretazzjoni bil-kanzunetta ‘MINN TAĦT L-ILSIEN’.
Ekonomija

Sport