Anna Bonanno ngħatat il-midalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika bħala rikonoxximent għat-30 sena servizz li tat fix-xandir pubbliku mal-PBS.
Bonanno kienet il-pijuniera fil-qasam tal-ġurnaliżmu u x-xandir televiżiv f’Malta partikolarment fi żmien fejn dan kien għadu ddominat mill-irġiel.
Hija serviet bħala ispirazzjoni għal bosta tfajliet li segwew l-eżempju tagħha u daħlu fil-qasam ġurnalistiku.
Il-kontribut ewlieni tagħha jidher fir-rapporti u servizzi televiżivi li kitbet matul is-snin, kemm aħbarijiet lokali u oħrajn internazzjonali.
Saret ukoll l-ewwel korrispondenta mara Maltija li xandret minn barra minn Malta u xandret minn Kuala Lumpur fil-Malasja fejn saret il-laqgħa tal-kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth, Pjazza Tiananmen Square fiċ-Ċina għaż-żjara tal-Kap ta’ Stat Malti u Brussell meta Malta formalment issottomettiet l-applikazzjoni tagħha biex issir membru tal-Unjoni Ewropea.
Lokalment irrappurtat is-summit storiku bejn Bush u Gorbachev u diversi żjarat ta’ Kapijiet ta’ stat u personalitajiet f’Malta, fosthom il-Papa Ġwanni Pawlu II u r-Reġina Eliżabetta II.
Intervistat ukoll diversi personalitajiet prominenti minn oqsma politiċi sa kulturali, bħall-Prim Ministru tar-Renju Unit, Margaret Thatcher, il-Prim Ministru Taljan Giulio Andreotti u atturi rinomati bħal Rock Hudson u Vanessa Redgrave, fost oħrajn.
Minbarra l-qari tal-aħbarijiet, Bonanno ppreżentat ukoll diversi programmi televiżivi tal-aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti, filwaqt li kienet ukoll l-ewwel preżentatriċi tal-ewwel programm L-Istrina li qatt ixxandar b’risq il-Community Chest Fund.