Monday, May 19, 2025

Antea Camilleri u Lyam Taylor Bugeja b’avventura unika … se jitilgħu l-ogħla muntanja fl-Afrika ta’ Fuq u jiġbru fondi għal dawk inqas ixxurtjati 

Aqra wkoll

Li żżomm ruħek attiv u fl-istess ħin taħseb f’dawk inqas ixxurtjati minnek hija prattika li tgħin kemm lilek innifsek kif ukoll lis-soċjetà u li minnha jibbenifikaw ħafna nies. Meta nkunu attivi, kemm fiżikament kif ukoll soċjalment, inħossuna aktar enerġetiċi, innaqqsu l-istress u ntejbu l-benesseri mentali tagħna. L-attività fiżika tgħin biex tnaqqas ċertu mard, inkluż dak mentali, iżda fl-istess ħin, meta nagħtu minn żmienna jew mir-riżorsi tagħna biex ngħinu lil oħrajn, speċjalment lil dawk inqas ixxurtjati, mhux biss inħossu sodisfazzjon personali, iżda wkoll inżidu s-sens ta’ skop f’ħajjitna. 

Din il-kumbinazzjoni ta’ attività u altruwiżmu li toħloq ċiklu pożittiv nistgħu narawha permezz ta’ omm u iben; Antea Camilleri u Lyam Taylor Bugeja, li qed ikunu attivi filwaqt li jgħinu lil oħrajn inqas ixxurtjati minnhom, u fil-fatt huma daħlu għal sfida flimkien biex jitilgħu l-ogħla muntanja fl-Afrika ta’ Fuq. Dan mhux biss jgħin lil dawk li għalihom huwa l-għan li qed jgħinu, iżda wkoll ikunu qegħdin jikkontribwixxu għal soċjetà aktar magħquda u solidali permezz ta’ din l-isfida u avventura tagħhom.

Aħna ltqajna magħhom u tkellimna dwardin l-avventura tagħhom, kif qed jippreparaw għaliha, u fuq kollox kif kien ġie dan il-ħsieb li jidħlu għal din l-isfida li mhijiex faċli. Staqsejna wkoll fuq kollox x’qed jistennew minn din l-esperjenza avventuruża tagħhom u x’inhu l-għan proprja ta’ din l-isfida.

Antea qalet li “l-ħsieb għal din l-avventura beda snin ilu, meta ltqajna mas-SIGMA foundation, mal-fondazzjoni li qed tibni dawn il-proġetti madwar id-dinja għal nies inqas iffortunati minna, u ftit xhur ilu kelli l-opportunità li nibda t-taħriġ ġewwa l-Marokk u ġejt imqabbda għal dan il-proġett biex nibnu erba’ klassijiet fl-Etjopja, u kif bdejt it-taħriġ, darba kont ġibt lit-tifel miegħi li kien għadu żgħir, u llum għandu ħdax-il sena, u kellna hill climbing darba fil-ġimgħa, u konna nitilgħu fuq ir-Riviera filgħaxija bejn erba’ sa seba’ darbiet kull darba, u kien tħajjar jagħmilha miegħi wkoll, kont staqsejtu jekk hux ċert, għax li titlagħha mhux ċajta, u anke l-commitment sakemm tasal il-ġurnata, trid tmur it-taħriġ kuljum, u trid tmur f’ċertu postijiet, iżda hu kien konvint li jidħol għaliha.” Apparti li wieħed irid imur it-taħriġ irid ukoll ikompli bil-ħajja normali tiegħu, eżempju fejn jidħol sports, skola jew xogħol, u affarijiet oħra personali.

Antea qasmet magħna l-esperjenza wara li t-tifel iddeċieda li hu wkoll jidħol għal din l-esperjenza, u dwar kif kien hemm bżonn ċertu permessi meħtieġa, u fosthom kienet tkellmet mal-iskola tiegħu, dwar kif riedet iġġib sapport mingħand il-familja tagħha, fosthom mingħand il-missier tat-tifel u “llum il-ġurnata, sitt xhur wara ninsabu hawnhekk il-Marokk, u ser inkunu qegħdin nilħqu l-ogħla post u l-quċċata. Bħala flus irnexxielna niġbru madwar 40 elf ewro mingħand kumpaniji, entitajiet u individwi differenti, u l-flus ser imorru dirett biex jinbnew dawn l-erba’ klassijiet għal tfal ta’ madwar għaxar snin sa tnax-il sena, jiġifieri l-età hija ta’ tampar it-tifel. L-għan hu li jekk nilħqu l-quċċata, f’Jannar immorru u ninawguraw dawn l-erba’ klassijiet. It-tifel ikollu ċ-ċans iħares lejn għajnejn dawn it-tfal u jara l-impatt li ħalla hu stess f’ħajjet dawn it-tfal.”

Hija xi ħaġa ferm sabiħa li omm u bint jitħarrġu x’xi ħaġa flimkien, li jsibu s-sapport f’xulxin f’xi ħaġa li hija komuni għat-tnejn li huma, u wieħed jista’ jifhem aktar dan għax ikollu l-istess gosti u interess. Antea qalet li jkun hemm mumenti u ġranet fejn kultant hi stess tkun għajjiena u jkun it-tifel li jimmotivaha, eżempju wara ġurnata xogħol, filwaqt li jkun hemm ġranet fejn “hu wara l-iskola jkollu l-futbol, u jkun ukoll irid jitħarreġ fuq il-muntanja, u allura jkun għajjien u għalhekk insibu ħafna sapport f’xulxin. L-isfida attwali hi li għalkemm ikollhom ħafna enerġija u saħħa, it-tfal illum il-ġurnata huma mdorrija li jkollhom kollox aċċessibbli, iridu kollox ta’ malajr, u allura jkollhom ħafna aktar ups and downs, u nissapportjah kemm jista’ jkun. Ġieli jiġu ġranet fejn ikun irid jagħżel il-futbol minflok tħarriġ tal-muntanja, imma jiena nerġa’ nġibu f’postu mentalment. Ikun hemm ġranet fejn inkunu lestejna t-taħriġ u nibqgħu nippreparaw lilna mentalment fl-aħjar mod possibbli, però ġeneralment l-enerġija li jkollhom it-tfal hija indeskrivibbli. Il-forte tiegħu fil-fatt it-tifel huwa l-isports, jiġifieri jitħarreġ kuljum, il-futbol huwa l-isports prinċipali tiegħu, u fil-fatt jattendi l-iskola nazzjonali tal-Isports f’Malta.”

Tkellimna dwar it-taħriġ f’Malta li iżda hemm żvantaġġ għax Malta ma tantx għandna għoljiet u muntanji, u allura dan il-fatt jaf ikun ta’ sfida akbar minħabba li huma jridu jitħarrġu, u l-unika post f’Malta huwa r-Riviera fejn huma jistgħu jitħarrġu għall-isfida proprja, u għalkemm fit-tul jistgħu jitħarrġu, iżda l-għoli mhuwiex l-istess. Hija stqarret li l-fatt li qed titħarreġ flok toqgħod id-dar tilgħab il-playstation biss ser ikun qed jgħinek mentalment.

Tkellimna wkoll ma’ Lyam Taylor Bugeja, li minkejja l-età żgħira tiegħu huwa spjega l-għan nobbli tiegħu, u li qed jagħmilha biex “ngħin ħafna lit-tfal u nkun l-iżgħar persuna li jkun hawn f’Malta li tagħmel din l-isfida.” Lyam Taylor Bugeja żgur li fehem il-fatt li meta wieħed ikun qed jagħmel xi ħaġa għall-oħrajn ikun qed jirċievi ħafna aktar lura. Huwa ġest li wieħed ta’ min jammira, li mhux biss iżżomm ruħek attiv, u ma tibqax passiv id-dar tilgħab għal tul ta’ ħin kif forsi hija t-tendenza f’ħafna żgħażagħ tfal u adolexxenti llum, iżda aktar minn hekk, li waqt li inti attiv tkun qed tgħin lil ħaddieħor. Anthea, bħala omm qaltilna li dejjem riedet tgħaddi l-valur lil binha li meta tkun qed tagħmel xi ħaġa għal ħaddieħor, fil-verità tkun qed tirċievi ħafna aktar lura.

Għalhekk, filwaqt li nibqgħu nappellaw li, li żżomm ruħek attiv filwaqt li taħseb f’dawk inqas ixxurtjati mhux biss jagħmel sens f’termini ta’ saħħa personali, iżda wkoll f’termini ta’ impatt soċjali, u li wkoll huwa mod ta’ kif nistgħu nkunu aħjar għalina nfusna u wkoll għal dawk ta’ madwarna, aħna nawguraw kull suċċess lill-omm Antea u lil binha Lyam Taylor f’din l-avventura, avventura li minnha żgur ser joħroġ ħafna ġid.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport