Thursday, October 23, 2025

Anthony Gafa … storja ta’ raġel li qatt ma ċeda, anke quddiem l-akbar sfidi personali

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-futbol f’Malta ilu snin twal jixhed ħafna stejjer ta’ dedikazzjoni u passjoni, imma l-istorja ta’ Anthony Gafa hija waħda li tmur lil hinn mil-logħba nnifisha. Wara li għadda minn sena mimlija sfidi ta’ saħħa li setgħu qatgħulu qalbu, illum jinsab fuq saqajh u lest jerġa’ jidħol fil-qasam li tant iħobb: il-futbol.

“Nikkonferma li erġajt doqt l-atmosfera tal-grawnd tal-Yo Health Malta Premier wara sena diffiċli ħafna,” qal b’ċerta emozzjoni. “Kont qed nara xi logħob u nħossni ferm kuntent li stajt nidħol il-grawnd regolarment, ikolli l-karta tal-ismijiet tal-plejers f’idi u nieħu n-noti personali tiegħi kif dejjem għamilt.”

“Ilni nieqes mill-futbol mis-sena ta’ qabel u għalija kien pjaċir kbir nerġa’ nħoss dik l-enerġija. Rajt ukoll bidla pożittiva f’affarijiet li qed jiġu implimentati , il-logo l-ġdid tal-kampjonat għoġobni, livell ta’ logħob diġa’ jidher li se jkun tajjeb u anke x-xogħol tal-istaff tekniku stajt ninnutah ukoll. Min jaf, forsi nerġa’ niżra xi żerriegħa kif dejjem għamilt u nidħol fil-futbol.”

Anthony beda l-ħidma tiegħu involut fil-futbol fir-raħal tiegħu, il-Marsa, fejn beda l-vjaġġ tiegħu bħala team manager fl-istaġun 2005/06 ma’ Marsa FC.

“Dak iż-żmien konna fl-Ewwel Diviżjoni fejn għamilt żewġ staġuni u saħansitra tlajna fil-Malta Premier. Għalija kien unur kbir li l-ewwel esperjenza tiegħi kienet mal-klabb ta’ raħal twelidi.”

Il-vjaġġ tiegħu ma waqafx hemmhekk. Mill-Marsa għadda għal Fgura United, fejn kellu esperjenza li jibqa’ jiftakarha b’sodisfazzjon. “Mit-tielet diviżjoni wasalna sal-ewwel diviżjoni. Illum għadhom igawdu status taċ-Challenge League u jien kelli l-unur li nkun parti minn dik l-istorja.”

Il-karriera tiegħu kompliet tikber ma’ San Ġwann FC, fejn reġa’ għen fil-promozzjonitat-tim mit-Tieni għall-Ewwel Diviżjoni. Kellhom ukoll mumenti sbieħ ma’ Naxxar Lions, fejn ta għajnuna fuq bażi volontarja.

Imma wieħed mill-kapitli l-aktar importanti fil-ħajja tiegħu kien ma’ Floriana FC. “Kont hemm full-time għal staġun u nofs. Irnexxielna nżommu l-istatus tal-Premier minkejja li konna għaddejna minn bidla radikali fis-sajf fejn akkwistajna 13-il plejer Malti u seba’ barranin, kollox ġdid. Dak l-istaġun spiċċajna runners-up wara l-Hibernians u rbaħna l-FA Trophy, rebħa kbira fil-karriera tiegħi.”

Anthony jżommhom dawn il-mumenti bħala l-aktar suċċess kbir tiegħu ma’ klabb: “Li tara lill-plejers, lill-kowċis, lill-physical trainers, kulħadd jagħti l-aħjar tiegħu u jasal għal tragwardi sbieħ, għalija hija sodisfazzjon enormi.”

Meta jitkellem dwar kif kien jaħdem, wieħed jinduna mal-ewwel li Anthony hu bniedem li jħobb jiddedika ruħu jew kif jgħidu jidħol b’ruħu u ġismu għal biċċa xogħol fejn għandu x’jaqsam il-futbol.

“Kont nara tmien logħbiet kull tmiem il-ġimgħa. Kont inżomm database personali u kont issibni kullimkien. Jien nemmen li jekk ma tagħmilx dan ix-xogħol, ma tirnexxiex. Il-futbol fih ħafna xogħol, ġranet sħaħ, u jekk ma tagħtix dak il-ħin, is-suċċess ma jasal qatt.”

Anke llum, minkejja l-isfidi ta’ saħħa li għadda minnhom, Anthony għadu jemmen li għandu ħafna x’joffri. “Inkun qed naħbi ruħi jekk ngħid li m’iniex interessat nerġa’ nidħol f’din id-dinja tal-futbol. Għandi l-ingredjenti biex nerġa’ nservi. Jekk tiġi opportunità, nixtieq noħodha. Diġà kellmuni xi klabbs, jekk mhux illum, għada jew pitgħada, jien nerġa’ nkun parti minn tim tal-futbol.”

Imma wara l-ħajja sportiva, hemm il-bniedem tad-demm u l-laħam. Sena ilu, Anthony għadda minn sitwazzjoni serja ta’ saħħa li biegħditu minn dak li kien iħobb l-aktar. B’demgħa f’għajnejh ifakkar l-appoġġ li sab:

“Qabel kollox, grazzi lill-Mulej. Semagħni u għeni. Rsaqt lejH f’dik is-siegħa ta’ bżonn. Grazzi wkoll lill-protagonista ta’ ħajti, ħija Jesmar Gafa, li tani kollox. Jien kelli demm A positive u sirt O positive. Grazzi lill-mara tiegħu Isabel, lil ommi li ġiet l-Ingilterra għal tmien xhur sħaħ biex tkun miegħi, u lil Maria Pisani u l-familjari kollha.”

Hu ma setax jinsa wkoll il-komunità sportiva li ħarġet tappoġġjah: “Grazzi lill-għaqdiet sportivi li organizaw avvenimenti biex jgħinuni, fosthom klabbs tal-futbol u tiġrijiet taż-żwiemel. Grazzi lill-awtoritajiet, lit-Treatment Abroad, lill-Community Chest Fund, lil Puttinu Cares, u saċerdoti bħall-Fr Mario u Fr Joseph fl-Ingilterra li kienu ta’ sostenn kbir għalija.”

Illum il-ġurnata, Anthony Gafa għadu għaddej minn xi testijiet mediċi, u minkejja li għad hemm xi limitazzjonijiet, qed jirkupra b’mod pożittiv. “Il-bniedem iħobb lilu nnifsu, u jien ukoll irrid nerġa’ lura fil-grawnd tal-futbol. Saħħti ġejja lura ftit ftit.”

Meta wieħed jisma’ lil Anthony jitkellem, ma jistax ma jinnotax il-passjoni li għadha tbaqbaq fih. Il-futbol mhuwiex biss logħba għalih, imma parti mill-identità tiegħu. Wara l-esperjenzi kollha, kemm il-ferħ tas-suċċess sportiv u kemm id-dwejjaq tal-mard, hu jemmen li l-aħjar għadu ġej.

“Jekk tiġi opportunità, naħdem minn qalbi biex inġib il-frott. Il-futbol hu xogħol ta’ tim, u jien nemmen fil-valuri tal-kollaborazzjoni, id-dixxiplina u l-impenn. Dawn kienu dejjem l-armi tiegħi.”

L-istorja ta’ Anthony Gafa mhijiex biss ta’ team manager li mexxa diversi timijiet Maltin għal xi suċċessi. Hija wkoll l-istorja ta’ raġel li qatt ma ċeda, anke quddiem l-akbar sfidi personali. Illum, hekk kif jerġa’ jħoss l-atmosfera tal-grawnd tal-Premier, jibqa’ jittama li jkollu ċ-ċans jerġa’ jikteb paġna oħra fil-futbol Malti.

Bħalma jgħid hu stess, “Il-futbol fih ħafna xogħol, imma l-passjoni tagħmel kollox possibbli!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport