Monday, December 23, 2024

“Antiċipajna t-tellieqa u tlaqna niġru qabel il-waqt” – Il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

Il-PM isostni li l-Pulizija trid tkun preżenti fit-toroq tagħna

Waqt intervista li xxandret aktar kmieni dalgħodu l-Prim Ministru Robert qal li b’sens ta’ kburija jgħid li għamilna xi ħaġa li ebda pajjiż ma rnexxielu jagħmel u li l-kurva tant importanti baqgħet ma telgħetx ‘il fuq. 

Abela qal li “antiċipajna t-tellieqa u tlaqna niġru qabel il-waqt” b’miżuri li ttieħdu b’għaqal u li assiguraw li jkun hemm kontroll fuq is-sitwazzjoni. Abela qal li b’sodisfazzjon jinnota li l-pazjenti kollha infettati jinsabu fi stat ta’ saħħa tajba.

Il-PM qal li l-koperazzjoni tal-poplu Malti kellha parti fundamentali f’din il-ġlieda tagħna f’din l-isfida. Qal li jifhem li hawn sens ta’ sagrifiċċju, iżda meta wieħed jinnota restrizzjonijiet li kellhom jagħmlu pajjiżi oħra, f’pajjiżna wieħed jista’ jinnota bilanċ. Irrimarka li dan il-bilanċ kien sogru hekk kif il-miżuri ngħataw gradwalment u l-poplu tħalla f’ċertu libertà biex jaqdi l-bżonnijiet neċessarji tiegħu bħalma huma x-xiri u l-ġbir tal-mediċina.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħeġġeġ lin-nies biex jibqgħu b’saħħithom billi jmorru mixja jew ġirja waħedhom, jew fil-biċċa l-kbira, tnejn flimkien. 

Il-Prim Ministru qal li kemm-il darba n-nies li ma jaqgħux fil-grupp ta’ dawk meqjusa bħala vulnerabbli, li jinkludu dawk li għandhom aktar minn 65 sena, għandhom jagħmlu l-eżerċizzju u ma jqattgħux 24 siegħa magħluqin ġewwa. Huwa qal ukoll li waqt li jkunu barra, għandhom isegwu l-linji gwida ta’ distanza soċjali.

Abela qal li b’din “l-aktar sitwazzjoni diffiċli mill-Indipendenza ’l hawn”, il-poplu Malti u Għawdxi kompla juri xi jsarraf. Rigward ir-rata ta’ ttestjar, Abela qal li l-flus tal-pajjiż qed jintefqu f’tali mod li ma jkollniex għalfejn nagħtu prijorità lil pazjent aktar żagħżugħ minn pazjent anzjan. 

“Li l-Pulizija ssibhom fl-għassa biss hija xi ħaġa tal-passat”

Robert Abela

Tkellem dwar l-irwol tal-Pulizija fis-soċjetà u qal li l-preżenza tal-pulizija postha hu fit-toroq tagħna. Qal li bdiet din il-ħidma biex il-pulizija ma jibqgħux fl-għases, iżda jkunu mqassmin fit-toroq tal-pajjiż biex ikunu jistgħu joffru l-ewwel assistenza fejn hemm bżonn.

Filwaqt li s-saħħa tal-poplu hija prijorità Abela qal li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu qed jassiguraw li l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ waħda reżiljenti.

Sinjal b’saħħtu favur is-Saltna tad-Dritt

“Għamilna xi ħaġa bla preċedent f’pajjiżna għaliex kellna qbil unanimu mill-Parlament tagħna dwar ħatra tant importanti f’pajjiżna. Il-ħatra ta’ Prim Imħallef li naturalment se jkun qed imexxi l-qrati tal-ġustizzja tagħna u kif nafu l-qrati tagħna huma waħda mit-tlett branki importanti tad-demokrazija tagħna. Hija bla preċedent ukoll għax nafu li bejn iż-żewġ paritijiet politiċi, ukoll ma’ ċertu partijiet tas-soċjetà ċivili, is-Saltna tad-Dritt kien is-suġġett li qasamna f’dawn l-aħħar xhur.

Dwar il-Prim Imħallef Mark Chetcuti il-Prim Ministru qal li huwa “bniedem magħruf għall-integrità u għas-serjeta tiegħu u għalhekk l- importanza kienet li rresqu ‘il quddiem isem b’dawn il-kwalitajiet kollha. Il-fatt li b’maturità lħaqna dan il-qbil jfisser ħafna…Ifisser li l- Gvern għandu għal qalbu s-Saltna tad-Dritt. Mhux biss dwar il-Prim Imħallef…Ilħaqna qbil dwar Mark Chetcuti imma lħaqna qbil unanimu dwar il-ħatra tal-Ġudikatura. Ilħaqna qbil ukoll dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid wara Mark Chetcuti jigifieri din il-ġimgħa lħaqna 3 milestones importanti ħafna.

Il-Prim Ministru qal li se ngħalqu wkoll kwistjonijiet oħra ħalli dan l-episodju tas-Saltna tad-Dritt ngħalquh b’suċċess u jkun mudell għall-pajjiżi oħrajn.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-approvazzjoni dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija.

“Bidla li xtaqt issir u saret. Kellna viżjoni li s-Saltna tad-Dritt ridna nsaħħuha…Dan il-metodu huwa fejn il-Gvern ħa jitlaq is-setgħa minn idu u minflok se jkun hemm sejħa pubblika li għaliha jista’ jipparteċipa min ikollu l-kwalifiki.”

“Jekk kulħadd juri rieda tajba hemmek ukoll nistgħu naslu għal persuna li tispira l-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.

Il-Prim Ministru temm jgħid li minkejja s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-pajjiż, għandu viżjoni u din mhux se ttellifna.

“Jien għandi ħolm sabiħ ħafna għal dan il-poplu. Konvint li se noħorġu minn dan il-mument aktar b’saħħtu milli dħalna fih. Nibqa’ nappella li l-poplu jibqa warajna billi jobdi d-direttivi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Jien irrid nara poplu Malti kuntent, poplu Malti ottimist u li ngħidu li fi ftit ġimgħat oħra nkunu nistgħu nħarsu lura lejn dak li għaddejna minnu u ngħidu Malta kienet mudell ta kif isiru l-affarijiet.

Ekonomija

Sport