Antonella Chouhal, membru tal-Kunsill ta’ Athletics Malta kisbet ċertifikazzjoni prestiġjuża ta’ Silver-Level Referee minn World Athletics wara li temmet b’suċċess kors u l-eżamijiet meħtieġa organizzati mill-istess federazzjoni dinjija.
Permezz ta’ din iċ-ċertifikazzjoni, l-ewwel waħda miksuba minn uffiċjal Malti tal-atletika, Chouhal se tkun tista’ sservi ta’ uffiċjal waqt avvenimenti tal-atletika tal-ogħla livell internazzjonali, li jinkludu possibbilment il-Logħob Olimpiku, il-Kampjonati Dinjija, id-Diamond League u l-World Athletics Continental Tour.
Is-Silver-Level Referees, it-tieni l-ogħla rikonoxximent internazzjonali għall-uffiċjali fl-atletika huma suġġetti għal evalwazzjoni kontinwa minn World Athletics biex ikun żgurat li jinżamm livell għoli ta’ għarfien tekniku matul il-validità taċ-ċertifikazzjoni, li hija ta’ tmien snin.
Fost l-għarfien tekniku mistenni f’dan il-livell, dawn l-uffiċjali mhux biss ikunu meħtieġa jifhmu u jimplimentaw b’mod korrett ir-regoli tal-varjetà ta’ avvenimenti ta’ track and field fl-atletika iżda wkoll ta’ x’għandhom jagħmlu meta jiddaħħal protest waqt il-kompetizzjoni jew sitwazzjonijiet partikolari oħra li jistgħu jseħħu, li jkunu jeħtieġu deċiżjoni immedjata biex il-kompetizzjoni tkun tista’ tkompli għaddejja b’mod ġust.
Dan iċ-ċertifikat jippermetti wkoll lil Antonella Chouhal biex taqsam l-għarfien u esperjenza miksuba ma’ uffiċjali Maltin, biex b’hekk jitjieb il-livell tal-kompetizzjonijiet lokali u tiżdied il-possibbiltà li jiġu organizzati avvenimenti ta’ kalibru internazzjonali tal-atletika f’pajjiżna.