Friday, December 27, 2024

Antonio Conte … il-bidu tat-tmiem ma’ Tottenham Hotspur?

Aqra wkoll

It-telfa f’darhom ta’ 2-0 kontra Aston Villa xejn ma niżlet tajjeb fil-kamp ta’ Tottenham Hotspur fejn minbarra li s-suffara finali ntlaqgħet b’ibbuwjar mill-partitarji, il-coach Antonio Conte seta’ għadda messaġġ li teżisti possibbiltá li din it-telfa bdiet it-triq tiegħu lejn il-bieb ta’ barra. 

B’din it-telfa, Spurs inqalgħu mir-raba’ post tal-Premier League Ingliż kif ukoll jinsabu 13-il punt taħt il-leaders u rivali eterni, Arsenal. 

Minkejja li fil-bidu tal-kampjonat kien hemm aspettattivi li setgħu jkun minn fost l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tat-titlu, ir-riżultati qed juru mod ieħor. 

Wara l-logħba Conte qal: “‘Niftakar tajjeb meta fis-sajf, fil-bidu, Tottenham kienu qed jitqiesu bħala team b’saħħtu li stajna nkunu qed niġġieldu għar-rebħ tat-titlu. Iżda fl-esperjenza tiegħi, dawn il-kummenti kienu kemmxejn esaġerati.

“Biex verament insiru kontestanti għat-titlu u biex insiru team kompetittiv, irid ikollna pedament sod. Dan ifisser li jkollna  14 jew 15-il player b’saħħithom, ta’ kwalità kbira u players żgħażagħ oħra biex ikomplu jiżviluppaw.

“U kull staġun nistgħu nżidu żewġ players ta’ livell mondjali – £50 miljun – £60 miljun – £70 miljun – biex intejbu l-livell tagħna u nkunu nistgħu nisfidaw. 

“In-nies jaħsbu li tasal … u tirbaħ. Dan huwa normali li għal timijiet li fil-passat kienu mdorrijin jirbħu. 

“Iżda fis-sitwazzjoni tagħna, irridu noħolqu u nibnu waħda ġdida … peró għandna bżonn iż-żmien u l-paċenzja.

“Nifhem li l-partitarji huma diżappuntati għax jistgħu jgħidu, ‘Imma ilna nieħdu paċenzja għal żmien twil’ – iżda s-sitwazzjoni hi dik li hi. Jekk iridu l-partitarji ngħidilhom il-veritá kollha. 

“Naf x’inhi r-realtà għax jien il-coach. Ngħix il-club kuljum. Naf il-viżjoni tal-club. Il-club jaf tajjeb ħafna x’inhuma l-ħsibijiet tiegħi dwar is-sitwazzjoni.

“Għalhekk qed ngħid kollox pubblikament!”

Ekonomija

Sport