Antonio Conte jkun interessat li jirritorna fil-Premier League biex imexxi lil Manchester United jekk ir-Red Devils ineħħu lil Ole Gunnar Solskjaer.
Man United bħalissa jinsabu fil-quċċata tal-klassifika tal-Premier League wara bidu qawwi għall-istaġun 2021-22, iżda sofrew xokk fit-telfa ta’ 2-1 kontra Young Boys fl-ewwel partita taċ-Champions League nhar it-Tlieta filgħaxija.
Għal darb’oħra kien hemm mistoqsijiet dwar il-kapaċitá ta’ Solskjaer għall-pożizzjoni f’Old Trafford fuq bażi fit-tul minħabba r-rekord diżappuntanti tiegħu fiċ-Champions League, fejn tilef sebgħa mill-11-il partita tiegħu fil-kompetizzjoni bħala manager.
Conte – li riċentement ssemma’ li seta’ jsir il-manager il-ġdid ta’ Arsenal – ilu mingħajr xogħol minn mindu telaq liċ-champions Taljani Inter fi tmiem l-istaġun 2020-21.
Il-coch Taljan x’aktarx jirrifjuta l-interess minn Arsenal jekk jiġi avviċinat, iżda jkun interessat li jieħu l-impjieg fit-tmun ta’ Man United.
Conte mexxa lil Chelsea bejn Lulju 2016 u Lulju 2018, u rebaħ il-Premier League u l-FA Cup fi Stamford Bridge qabel ma kompla b’esperjenzi oħra bħala coach fosthom fl-Italja ma’ Inter.