Saturday, December 21, 2024

Antonio Conte segwit minn Paris St-Germain

Aqra wkoll

Paris Saint-Germain qed iżommu ħarsithom mill-qrib fuq il-pożizzjoni ta’ Antonio Conte ma’ Tottenham Hotspur.

Il-leaders tal-Ligue 1 mistennija jkunu mingħajr Mauricio Pochettino mill-istaġun 2022-23 ’il quddiem, bl-Arġentin suppost qed iħares lejn Manchester United bħala l-manager permanenti l-ġdid tagħhom.

Jingħad li Zinedine Zidane huwa l-kandidat ewlieni tal-Pariġini biex jieħu r-riedni tal-club mingħand Pochettino, iżda l-ex coach ta’ Real Madrid għadu qed jiġi rrappurtat li jrid jieħu f’idejh ir-riedni tat-team nazzjonali ta’ Franza.

Minħabba f’hekk, PSG jistgħu minflok idawru l-attenzjoni tagħhom fuq Conte, li l-futur fit-tul tiegħu ma’ Tottenham mhuwiex ċar fost il-forma fqira tat-team tiegħu.

Conte jista’ jtemm l-esperjenza tiegħu iktar qabel milli mistenni, peress li jħoss li mhux qed jiġi sostnut sew mid-diriġenti tal-club.

It-Taljan kellu bidu pożittiv ma’ Spurs iżda issa sofra tliet telfiet konsekuttivi fil-Premier League – sensiela li tħalli lit-team tiegħu fit-tmien post tal-klassifika.

Il-kuntratt ta’ Conte ma’ Tottenham mistenni jibqa’ għaddej sas-sajf tal-2023, iżda dan l-aħħar kien imġiegħel jiċċara l-kummenti li għamel f’intervista mal-media Taljana dwar li Spurs “dgħajfu” l-iskwadra f’Jannar.

Ekonomija

Sport