Raġel ta’ 70 sena residenti l-Birgu inżamm arrestat wara li għall-ħabta tas-1:00 p.m., allegatament spara fuq raġel ieħor, fi Triq il-Qalb ta’ Ġesu fil-Birgu.
Jirriżulta li meta l-Pulizija waslu fuq il-post sabu raġel ta’ 33 sena residenti ferut fil-komun ta’ blokka ta’ appartamenti fl-istess triq imsemmija.
Immedjatament il-Pulizija bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha, fejn sabu l-allegat aggressur kien ħarab minn fuq il-post, iżda nstab ftit tal-minuti wara fl-istess akkwati.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei, flimkien mat-tabib tal-emerġenza, li ħadet lir-raġel ta’ 33 sena l-Isptar fejn ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda serja.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Monica Borg Galea, hekk kif qed ikun mifhum id-dinamika ta’ dan il-każ. Dan filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.