Anzjan ta’ 65 sena residenti l-Imġarr li kellu rreġistrati fuq ismu 47 arma tan-nar, kien ikkundannat sentenza sospiża talli hedded sid ieħor ta’ barriera.
L-imputat tressaq fil-Qorti l-Ġimgħa waranofsinhar fejn ġiie mixli li insulenta u hedded lill-vittma, li ħebb għalih u tah fastidju.
L-Ispettur Italo Mizzi spjega li l-imputat mar fil-barriera tal-vittma nhar it-Tlieta li għadda. Huwa mifhum li l-imputat u l-vittma għandhom barrieri separati biswit xulxin fil-Mosta.
Skont l-Ispettur, kien ingħalaq negozju u kien hemm ammont pendenti kkontestat li huwa maħsub li jammonta għal eluf ta’ ewro bejn it-tnejn.
Intqal li ż-żewġt irġiel argumentaw u bdew jinsulentaw lil xulxin. Il-vittma kien ukoll wera filmat lill-pulizija fejn l-imputat allegatament jinstema’ jgħidlu “Nifqgħak”.
Żied jingħad li l-Ħamis li għadda, l-imputat mar fl-uffiċċju tal-vittma u allegatament insulentah u heddu quddiem l-iskrivan u ibnu.
L-imputat kien arrestat fir-residenza tiegħu u l-armi li kellu ġew ikkonfiskati. Mal-pulizija, huwa ċaħad bil-qawwa li hedded li jispara lill-vittma.
Fil-Qorti huwa ammetta għall-akkużi. L-Avukat Difensur Jason Grima qal li l-klijent tiegħu kien poġġa asfalt fuq il-parti tiegħu tal-barriera u poġġa serratura biex ma jħallix lil ħaddieħor jidħol.
Qal li l-vittma allegatament ċempel lill-imputat biex dan tal-aħħar jiftaħlu, iżda l-imputat ma semax it-telefonata tiegħu. Imbagħad sab is-serratura tiegħu nieqsa u ripetutament talab lill-vittma biex jirritornaha.
Il-Qorti kkundannat lill-imputat għal pena ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn. Dan filwaqt li nħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma, u dan għal perjodu ta’ tliet snin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Italo Mizzi filwaqt li l-Avukat Jason Grima deher għall-imputat.



