Ilbieraħ għall-ħabta tal-5:00 p.m., seħħ argument fi blokka fi Triq ilWied, iż-Żurrieq bejn żewġt irġiel ġirien ta’ 68 sena u 27 sena rispettivament.
Waqt l-argument ir-raġel ta’ 68 sena ġarrab xi ġrieħi allegatament b’arma li taqta u bil-ponta. Tim mediku kien imsejjaħ fuq il-post u assista liż-żewġ persuni fejn ftit tal-ħin wara ttieħdu permezz t’ambulanza lejn l-isptar Mater Dei.
Aktar tard, ir-raġel ta’ 68 sena kien ċċertifikat bi ġrieħi gravi filwaqt li r-raġel ta’ 27 sena ma ġarrabx ġrieħi.
Ir-raġel ta’ 27 sena qed jinżamm mill-Pulizija sabiex jassisti fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin filwaqt li kien infurmat il-Maġistrat Dr Franco Agius LL.D. li ħatar inkjesta dwar ilkaż.



