Tuesday, February 25, 2025

Anzjan Għawdxi ħati li beda jonsob illegalment

Aqra wkoll

Publius Vella – Għawdxi ta’ 70 sena ġie mmultat €1,500 wara li nstab ħati li kien qiegħed jonsob għall-għasafar tal-għana bi ksur tal-liġi.

Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, fil-Qorti t’Għawdex, Vella kien akkużat li fil-15 ta’ Novembru tal-2023 meta kien qiegħed fil-limiti ta’ Għajnsielem kien qed jikkaċċja jew jonsob għall-għasafar illegalment.

Kien akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu għasafar li huma barra l-istaġun. Il-prosekuzzjoni akkużat lill-anzjan ukoll li uża għasafar bħala taħrik li ma kellhomx ċurkett, u talli nasab fuq sit li ma kienx reġistrat.

L-Ispettur qal quddiem il-Maġistrat Grech li waqt li kienet qed issir ronda għall-kaċċa u l-insib illegali fi Triq id-Daħla tal-Għama, il-pulizija semgħu xi ħsejjes tal-għasafar tal-għana. Meta fettxew minn fejn kienu ġejjin dawn il-ħsejjes sabu mansab armat bix-xbiek u l-għasafar.

Xehed li mal-mansab ma kien hemm ħadd, iżda meta daħlu fid-dura sabu mobile filwaqt li ftit ‘il bogħod instabet vettura. Wara investigazzjoni li saret ġie stabbilit li kemm il-mobile u anke l-vettura kienu jsejħu lil Publius Vella.

Minn dan il-mansab il-pulizija ġabru 33 għasfur u ‘casette’ bil-ħsejjes tal-għasafar tal-għana.

Vella kien ġie mitlub biex imur l-Għassa tar-Rabat Għawdex biex jiġi mitkellem. Hu kien qal lill-Ispettur li l-mobile kien tilfu f’dawk l-akwati u li l-vettura tiegħu kienet qiegħda hemm minħabba li hu għandu r-raba’ f’dawk l-inħawi. Huwa saħaq li ma kienx nassab u ma kellux liċenzja biex jonsob.

Iżda fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat m’emminx il-verżjoni tal-anzjan. Il-Qorti qalet li meta titlef mobile ma ssibux impoġġi pulit fuq pellet tal-injam u ħdejh ikun hemm flixkun ilma. “U jekk stess xi ħadd kien sabu, kien ħallih fid-dura proprju għax kien jaf li d-dura kienet tiegħu,” inkiteb fis-sentenza.

Il-Qorti qalet ukoll li qatt ma tista’ temmen li Vella ma ienx jaf ta’ min kienet id-dura għax hu stess ammetta li għandu r-raba’ ħdejn l-istess dura u kien ikun hemm kuljum. Żiedet tinnota li ma ġew osservati l-ebda vetturi oħra pparkjati fl-inħawi.

Il-Qorti qalet li l-evidenza kollha tindika li Vella kien staħba meta nduna bil-pulizija, u bil-fixla kien nesa l-mobile warajh.

Għal dawn ir-raġunijiet Vella nstab ħati tal-akkużi kollha u ġie mmultat. Huwa ġie pprojbit ukoll milli jikseb liċenzja għall-kaċċa jew l-insib għal żmien sentejn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport