Friday, December 20, 2024

Anzjan ħati li mmolesta tifla ta’ 17-il sena … qalilha li kellha “ġisimha ffurmat u l-ħwejjeġ issikkati”

Aqra wkoll

Anzjan ta’ 71 sena residenti ż-Żurrieq kien ikkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn u mmultat €5,000 wara li nstab ħati li mmolesta tifla ta’ 17-il sena f’Birżebbuġa meta qalilha li kellha “ġisimha ffurmat u l-ħwejjeġ issikkati”. 

Il-każ imur lura għall-1 ta’ Settembru 2021, meta daħlet telefonata fl-Għassa ta’ Marsaskala fejn ġie rrapportat li kien hemm raġel li kien għadu kif waqqaf pedofelu. Il-Pulizija kienu marru fuq il-post fejn sabu lill-vittma u lil missierha kif ukoll lill-imputat fi Triq il-Qaliet, Marsaskala. 

Il-vittma kienet qalet li meta kienet fuq l-istage ta’ Birżebbuġa, l-akkużat beda jiffastidjaha u jsaqsiha domandi bħal “Liema bus se taqbad? Inti min hawn?”. Huwa kien ukoll talabha tirranġalu l-ħin tal-mobile u tpoġġi ħdejh. 

Il-vittma sostniet ukoll li l-imputat kien qalilha li “għandha ġisem iffurmat” u li kellha l-ħwejjeġ issikkati. Hija bdiet titbiegħed minnu madanakollu l-imputat kompla jgħidilha biex “tiġi ’l hawn.”

Missier il-vittma, meta mitkellem, qal li meta waslet lura d-dar bintu ma setgħetx titkellem għal madwar ħames minuti minħabba li kienet imdejqa ħafna. Qal li kien ħadha miegħu biex ifittxu lill-imputat u sabuh Marsaskala wara li mxew mar-rotta tal-karozza tal-linja. Spjega wkoll kif irnexxielu jwaqqfu.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella nnutat li meta seħħ l-allegat każ, l-imputat kellu kważi 70 sena mentri l-vittma kellha 17-il sena. Qalet li l-fatt li huwa kien ikkummenta fuq il-fattizzi tal-vittma meta qalilha li “għandha ġisem iffurmat u għandha l-ħwejjeġ issikkati” bla dubju, u fiċ-ċirkostanzi tal-każ, huma kummenti b’konnatazzjonijiet sesswali l-imputat qatt ma missu qalhom lil ħadd speċjalment lil daqsxejn ta’ xebba ta’ 17-il sena. 

“B’dak id-diskors u bl-imġiba ġenerali tiegħu, jiġifieri l-mossi li għamel, seta’ raġonevolment jobsor li kienu umiljanti, offensivi u degradanti u li fil-fatt intimidawha tant li ħarbet minn fuq il-post u li meta waslet id-dar kienet taħt xokk,” qalet il-Qorti li emmnet il-verżjoni tal-vittma u l-ġenitur tagħha li kienu ċari f’dak li qalu lill-pulizija filwaqt li l-vittma kienet ċara wkoll meta xehdet quddiem il-Qorti. 

Barra minn hekk, ix-xhieda tagħha bl-ebda mod ma ġiet kontradetta mill-imputat b’xi kontro-eżami. Għaldaqstant tqis li l-ewwel akkuża ġiet ippruvata kif rikjest fil-kamp kriminali. 

Dwar l-akkużi li l-imputat naqas milli jattendi l-Għassa meta mitlub u li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, il-Qorti qalet li dawn ma rriżultawx billi kien hemm diverġenzi dwar fejn effettivament kienu qalulu biex jirrapporta nhar is-Sibt 4 ta’ Settembru 2024. 

F’dan ir-rigward, il-Qorti saħqet li “l-ordnijiet tal-pulizija jridu jkunu ċari u mhux nofs kedda u dawk l-ordnijiet iridu jiġu rispekkjati b’daqstant ċertezza u kjarezza mill-atti proċesswali.”

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti kkunsidrat l-età tal-imputat li huwa persuna li suppost altru milli matura, li ma ddejjaq xejn jimmolestja tfajla ta’ inqas minn 18-il sena f’post pubbliku f’lejla sajfija.

Il-Qorti qalet li trid twassal messaġġ ċar li anki kliem u ġesti ta’ konnotazzjoni sesswali huma gravi u jistgħu joħolqu turbament fuq il-vittma. “Fi kwalunkwe każ min ikun għall-affari tiegħu f’post pubbliku bl-ebda mod m’għandu jiġi ffastidjat.”

Kien għalhekk li sabitu ħati biss tal-ewwel akkuża – dik li mmolesta lill-vittma – u kkundannatu għal perjodu ta’ priġunerija ta’ sitt xhur li ġew sospiżi għal sentejn flimkien ma’ multa ta’ €5,000.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trazżin fil-konfront tal-imputat u favur lil-vittma u dan għal żmien sena.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport