Saturday, November 1, 2025

Anzjan ħati li qabad il-warrani ta’ żewġ tfajliet li ġew Malta biex jistudjaw l-Ingliż

Aqra wkoll

Mario Farrugia ta’ 72 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin wara li nstab ħati li qabad il-warrani ta’ żewġ tfajliet Franċiżi ta’ 16-il sena li kienu ġew Malta biex jistudjaw l-Ingliż. 

Il-każ seħħ fit-23 ta’ Lulju 2023 u l-jiem ta’ qabel f’residenza f’Birkirkara. L-imputat kien mixli bir-reat ta’ atti ta’ natura sesswali mingħajr kunsens u fastidju flimkien maċ-ċirkostanzi aggravanti. 

Fil-Qorti xehdu ż-żewġ vittmi. Waħda minnhom qalet li waslet Malta fis-16 ta’ Lulju 2023 u kienet tirrisjedi għand l-imputat. Tgħid li ħamest ijiem wara hi kienet tinsab fil-kċina għall-ikla ta’ filgħaxija flimkien ma’ studenta oħra.

Hija spjegat li l-imputat kien mal-bieb u meta għaddiet minn ħdejh biex toħroġ mill-kċina, allegatament messilha l-warrani fuq in-naħa tax-xellug. Hija qalet li minnufih tkellmet mal-istudenta l-oħra iżda din għall-ewwel ma emmnithiex u qaltilha li seta’ kien biss moviment tal-id. 

Jumejn wara, fit-23 ta’ Lulju 2023, allegatament seħħ att simili ieħor meta kienu mill-ġdid fil-kċina wara l-ikel ta’ filgħaxija. Hija qalet li din id-darba, l-imputat reġa’ kien qiegħed ħdejn il-bieb u meta għaddiet hi l-ewwel, għaddiet malajr għax kienet taf x’seta’ jerġa’ jiġri u warajha għaddiet l-istudenta l-oħra. 

Ix-xhud tgħid li rat lill-imputat iressaq idu lejn din l-istudenta u ratu jmessilha l-warrani. Spjegat li l-għada kienet tkellmet mal-familja tagħha u mal-organizzaturi tal-iskola tagħhom dwar dak li ġara u ġew rilokati ma’ familja oħra u għamlu rapport mal-pulizija.

It-tfajla l-oħra qalet li ġiet Malta biex titgħallem l-Ingliż u kienet tirrisjedi mal-imputat flimkien ma’ studenta oħra. Hija kkonfermat ix-xhieda l-oħra, li l-imputat allegatament kien qabdilhom il-warrani. 

Xehed ukoll manager tal-iskola tal-Ingliż li qal li malli sar jaf bl-inċident huma, l-istudenti ġew rilokati f’residenza alternattiva u sar ilment formali mal-iskola. Fil-kontro-eżami huwa xehed li l-imputat ilu jżomm studenti sa mill-2022 u żamm madwar 50 student minuri tfajliet u ġuvintur u qatt ma kien hemm ilmenti. 

Min-naħa tiegħu, l-imputat ċaħad l-allegazzjonijiet miġjuba kontra tiegħu. Stqarr li dakinhar li tal-allegati inċidenti waqt li kienu qegħdin jieklu l-istudenti, huwa kien bilqiegħda fis-salott fuq is-sufan iħares lejhom fejn huma ma setgħux jarawh għax “ma kienx jafdahom.”

Stqarr li qabel ma saru l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu, l-istudenti riedu jġibu ħabiba tagħhom tgħix magħhom iżda hu u l-mara rrifjutaw għaliex ma kellhomx post fejn iżommu aktar studenti. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, qieset ix-xhieda tal-minuri bħala dik li kienet aktar veritiera. Dan hekk kif ix-xhieda tagħhom kienet konsistenti u dettaljata u taqbel mar-rapport rilaxxat lill-Pulizija u mar-rapport intern li sar lill-iskola.

Mill-banda l-oħra, il-Qorti qalet li l-verżjonijiet tal-imputat kienu kunfliġġenti. Dan hekk kif “fl-istqarrija awdjoviżiva jgħid li waqt l-ikla ta’ filgħaxija kien jinsab fis-salott fuq is-sufan ’il bogħod minnhom u fejn ma jarawhx fejn huwa seta’ jara waħda minnhom għaliex ma kienx jafdahom. Filwaqt li l-minuri kienu fil-kċina fejn biex imorru f’kamrithom riedu joħorġu mill-bieb tal-kċina għall-kuritur kemmxejn dejjaq. Fl-istess ħin jgħid li jista’ jkun il-każ li huwa ħakk magħhom. Jekk kien fuq is-sufan ’il bogħod minnhom ma setax hakk magħhom għax huwa ma setax ikun f’żewġt ibnadi fl-istess ħin. 

Barra minn hekk waqt ix-xhieda tiegħu quddiem il-Qorti, l-imputat xehed li mhuwiex minnu li huwa seta’ jaqbdilhom il-warrani għaliex jumejn qabel l-allegat reat huwa kellu inċident fejn ħaraq idejh u kellu idejh it-tnejn infaxxati kollha mis-swaba sal-polz u hekk dam sa ftit aktar minn ġimgħa wara l-inċident.

Il-Qorti iżda rat l-isqarrija awdjoviżiva fejn l-imputat jidher ċar bla faxex u kellu l-użu komplet taż-żewġ idejn. Fil-fatt, mill-video tal-istqarrija, li ttieħed ftit jiem wara li huwa allegatament ħaraq idejh, idejn l-imputat ma jidhrux infaxxati. Pjuttost jidher li qed iċaqlaq idu b’mod normali u qiegħed iżomm oġġett f’idu. 

Apparti minn hekk mix-xhieda tiegħu stess jirriżulta li saħansitra seta’ jaqbad l-isteering tal-karozza u saq waħdu sal-Kwartieri tal-Pulizija meta bagħtu għalih. “Il-fatt li idejn l-imputat ma kinux infaxxati ġie wkoll ikkonfermat kemm mill-minuri kif ukoll mill-group leader.”

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Maġistrat Bartolo sab lil Farrugia ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u poġġieh taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin. 

Sadanittant, il-Qorti ordnat ukoll li din is-sentenza għandha, meta ssir definittiva, tkun notifikata lir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Ċivili għall-finijiet tal-liġi dwar Reġistrazzjoni għall-Protezzjoni tal-Minuri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport