Anzjan ta’ 69 sena ġie mmultat €1,200 wara li nqabad mill-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana li kien qed ibigħ il-fjuri mingħajr ma jagħti rċevuta fiskali. Sid in-negozju ma kienx hemm dak il-ħin li marru l-uffiċjali jiċċekkjaw.
Il-każ kien seħħ fl-2024 meta r-raġel kien ħdejn iċ-ċimiterju fi Triq il-Wesgħa tal-Mużew, ir-Rabat.
Uffiċjali mill-MTCA kienu marru jagħmlu spezzjoni mingħajr avviż nhar is-27 t’Ottubru, 2024. Huma raw raġel ibigħ il-fjuri mingħajr ma kellu cash register jew ktieb tal-irċevuti.
Minn xhieda li taw l-uffiċjali tal-MTCA ħareġ li r-raġel biegħ bukkett għal €3 mingħajr ma ħareġ irċevuta.
Sid in-negozju għażel li ma jixhidx f’dawn il-proċeduri.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace innotat li waqt li sid in-negozju ma kienx hemm dak il-ħin, iżda l-istess negozju kien irreġistrat f’ismu u għalhekk kien responsabbli għal kull bejgħ li jsir.
Huwa nstab ħati li kiser l-obbligi fiskali tiegħu u ġie mmultat €1,200.


