Anzjan ta’ 69 sena nstab ħati li tajjar mara bil-vuttura tiegħu meta kienet qiegħda taqsam minn fuq zebra crossing. Dan l-inċident kien seħħ fil-21 ta’ Novembru tal-2023 fi Triq tal-Balal fl-Iklin.
L-imputat kien akkużat li saq b’manjiera traskurata u naqas milli jnaqqas il-veloċità u jieqaf meta resaq lejn passaġġ għan-nies bil-pass.
Fix-xhieda tagħha, il-vittma qalet li kienet għadha kemm ħarġet mill-gym u qasmet nofs it-triq minn fuq zebra crossing. Qalet li hija kien waqfet imbagħad kompliet taqsam lejn in-naħa l-oħra tat-triq. Kien f’dak il-ħin li l-vittma ttajret mill-vettura misjuqa mill-imputat.
Il-vittma spjegat fil-qorti li mal-daqqa hi taret u ssabtet mal-art. Qalet li minħabba d-daqqa kellhom isirulha sitt punti f’rasha.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace fis-sentenza tagħha qalet li minkejja li fil-ħin tal-inċident kien dalam, ix-xhieda kollha qalu li fit-triq kien hemm il-bozoz.
Il-Qorti qalet li l-imputat ma kienx attent biżżejjed, speċjalment meta kellu jieħu iktar prekawzjonijiet qrib iz-zebra crossing. Huwa għalhekk instab ħati u kien immultat €1,200. Huwa kellu wkoll il-liċenzja tas-sewqan sospiża għal tliet xhur u tnaqqsulu 6 punti minnha.

