Thursday, November 14, 2024

Anzjan immultat €75,000 fuq ħasil ta’ flus ġejjin mit-traffikar ta’ droga

Aqra wkoll

Anzjan ta’ 68 sena li kien mixli b’akkużi dwar ħasil ta’ flus li kienu ġejjin minn attività ta’ traffikar ta’ droga li allegatament kien qed jagħmel ibnu, ingħata sentenza sospiza u mmultat €75,000 wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Mario Brignone kien qed jaffaċċja żewġ każi separati ta’ ħasil ta’ flus b’akkużi li jmorru lura għal Ġunju 2020 u s-snin ta’ qabel, bit-tieni każ ikopri l-perjodu bejn Awwissu 2020 u April 2021.

Fit-tieni każ huwa ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. F’April 2021, fid-dar tal-imputat nstabu madwar €15,000 fi flus kontanti, flimkien ma’ pakketti tal-plastik maħsuba li kienu qed jintużaw għat-traffikar tad-droga.

Brignone qal lill-pulizija li kien jirċievi pensjoni ta’ ftit aktar min €700 fix-xahar iżda ammetta magħhom li kellu l-vizzju tal-logħob.

Għalkemm Brignone għall-ewwel wieġeb mhux ħati, meta l-prosekuzzjoni ma kienx baqgħalha aktar xhieda u kien imiss id-difiża sabiex tressaq il-provi tagħha, huwa għażel li jwieġeb ħati tal-akkużi.Meta tat is-sentenza fiż-żewġ kawżi, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, osservat li dan ma kienx ta’ “self-laundering” peress li l-azzjonijiet tal-imputat kienu intiżi biex jaħbi flus ġejjin mit-traffikar tad-droga. Intqal li t-traffikant ibbenefika a skapitu ta’ dawk li kienu skjavi tal-vizzju tagħhom.

Qabel ġiet biex tagħti l-piena, il-Qorti kkunsidrat n-natura tar-reati u l-fatt li l-fedina penali tiegħu ma kinitx waħda “ta’ tħassib”. Min-naħa l-oħra iżda nnotat li huwa rreġistra ammissjoni fi tmiem il-proċeduri.

Barra minn hekk, huwa kellu jkun f’pożizzjoni aħjar li jevalwa u jiżen il-konsegwenzi tiegħu. Waqt li qalet dan, il-Qorti qalet li ma tistax tijora l-fatt li l-akkużat kien taħt il-kontroll ta’ ibnu u l-metodi “kriminali” tiegħu.

Il-Qorti għalhekk ikkundannat lil Brignone għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin f’kull każ u ordnat il-konfiska tal-assi kollha tiegħu, mobbli u immobbli.

Fl-ewwel każ il-Qorti mponiet multa ta’ €55,000 u fit-tieni każ imponiet multa ta’ €20,000 li jkunu konvertiti f’ħabs jekk ma jiġux imħallsa. Barra minn hekk, il-Qorti ordnat il-konfiska ta’ €20,000 li kien ħallas l-imputat sabiex jingħata l-ħelsien mill-arrest u jħallas €31,865 fi spejjeż tal-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lianne Bonello u Kevin Pulis megħjuna mill-Avukati Etienne Savona u Godwin Cini mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Brignone.

Ekonomija

Sport