Tuesday, January 27, 2026

Anzjan jingħata sentenza ta’ ħabs sospiża wara li nstab ħati b’moħqrija fuq kelb

Aqra wkoll

Anthony Desira, ta’ 75 sena residenti Ħal Għaxar ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin hekk kif instab ħati f’każ ta’ moħqrija fuq kelb.

L-imputat instab ħati mill-Maġistrat Gabriella Vella li wettaq moħqrija u nuqqas ta’ trattament xieraq ta’ kelb tar-razza Husky, allegatament imwettqa fit-18 ta’ Awwissu 2022 u fil-ġranet u l-ġimgħat ta’ qabel.

Desira ma nstabx ħati li ġiegħel annimali jsofru uġigħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn, instab ħati li żamm annimal mingħajr ma kien responsabbli għat-trattament xieraq tiegħu, u li naqas milli jieħu dawk il-passi raġonevoli f’kull ċirkostanza sabiex jiżgura li l-ħtiġijiet tal-annimal li kien responsabbli għalih, jew li qabel li jieħu ħsieb, jintlaħqu hekk kif meħtieġ bi prattiċi tajba sabiex tiġi żgurata s-saħħa u l-benesseri tal-annimal.

Uffiċjali tal-Animal Welfare xehdu li kienu wettqu spezzjoni f’residenza fi Triq Ħabb il-Qamħ, Ħal Għaxaq, fejn sabu kelb Husky fi stat ħażin ħafna.

Qalu li l-kelb bilkemm seta’ jiċċaqlaq, bis-suf kollu magħqud u maħmuġ. Kellu l-ikel mimli dubbien fost kundizzjonijiet ħżiena oħra. Il-kelb ġie kkonfiskat u ttieħed għall-kura.

Xhieda mis-Servizzi Veterinarji kkonfermat li l-microchip tal-kelb ma kienet irreġistrata f’ebda database, iżda l-Qorti osservat li dan il-fatt, għalkemm jista’ joħloq dubju dwar min kien is-sid reġistrat, ma jnaqqasx mir-responsabbiltà kriminali ta’ persuna li fil-fatt iżżomm jew taqbel li żżomm annimal. 

Il-Qorti saħqet li l-liġi tipproteġi lill-annimali u timponi obbligi mhux biss fuq is-sid formali, iżda fuq kull min ikollu l-annimal taħt il-kura jew il-kontroll tiegħu.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tar-reati li dwarhom l-imputat instab ħati kif ukoll il-fedina penali tiegħu, li għalkemm mhijiex waħda netta, ma turix li l-imputat jgħix ħajja ta’ kriminalità.

Ġiet ikkunsidrata wkoll l-età tal-imputat u l-problemi ta’ saħħa tiegħu, fatturi li wasslu lill-Qorti, kif propost mill-Prosekuzzjoni kif ukoll mid-Difiża, sabiex tikkontempla piena alternattiva minflok piena ta’ priġunerija effettiva.

Il-Qorti spjegat b’mod ċar lill-imputat ir-responsabbiltajiet tiegħu matul il-perjodu li se jkun taħt sentenza sospiża u wissietu dwar il-konsegwenzi jekk jikkommetti reat ieħor li jġorr piena ta’ priġunerija.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elliot Magro.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport