Friday, December 27, 2024

Anzjan jinżamm arrestat fuq fastidju sesswali ta’ minorenni

Aqra wkoll

Anzjan ta’ 71 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli li ta fastidju b’mod inċidenti lil tifla ta’ 15-il sena u ssuġġettaha għall-avvanzi sesswali tiegħu. Din it-tifla tiġi l-ġara tal-akkużat.

Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie mixli b’akkużi li jinkludu korruzzjoni ta’ minorenni u li pparteċipa f’attivitajiet sesswali mingħajr kunsens ma’ persuna taħt l-età.

L-allegati reati seħħew nhar is-Sibt li għadda f’showroom tal-karozzi, li huwa mifhum li huwa proprjetà tal-akkużat.

Fil-Qorti ntqal li l-allegata vittma u l-ġenituri tagħha kienu marru jirrapportaw fl-Għassa ta’ Ħal Qormi li r-raġel anzjan kien ittanta lit-tifla. 

Huma rrapportaw li l-imputat allegatament kien ħadha f’showroom tal-karozzi u hemm seħħ l-allegat reat. 

Investigazzjoni mill-Pulizija tad-Distrett flimkien mal-Iskwadra Kontra l-Vizzji wasslet għall-arrest tal-imputat. “Fl-investigazzjoni tal-pulizija, l-imputat kkopera sa ċertu punt”, qalet il-Prosekuzzjoni. 

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Angele Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi John Spiteri u Clayton Camilleri. L-Avukat Marouska Debono dehret għall-anzjan. 

Ekonomija

Sport