Imħallef ma laqax it-talba tal-familjari ta’ anzjan li miet wara li ttajjar minn karozza wara li ikkonkluda li l-inċident seħħ kaġun tiegħu meta qabad u qasam.
F’Novembru li għadda Joseph Piscopo, li għandu 37 sena, weħel sitt xhur ħabs wara li nstab ħati li fil-21 ta’ Awwissu 2016 tajjar lil Salvatore Attard waqt li dan kien qed jaqsam f’Tal-Pieta bl-anzjan ta’ 79 sena imut jumejn wara fl-Isptar Mater Dei.
Carmela Attard, Mario Attard u Rosemarie Vella, bħala l-eredi tal-vittma, fetħu kawża kontra l-istess Piscopo u l-kumpanija tal-assikurazzjoni Mapfre Middlesea fejn talbu kumpens għall-mewt tal-qarib tagħhom.
Madankollu l-Imħallef Lawrence Mintoff, li sema l-kawża, ikkonkluda li l-provi li tressqu quddiemu juru li l-inċident seħħ tort ta’ Attard u għalhekk ċaħad it-talba tal-familjari tiegħu.
Huwa irrimarka kif mix-xiehda ta’ Raymond Cook, li kien qed jimxi mill-istess triq meta seħħ l-inċident, irriżulta li l-anzjan qasam it-triq meta l-‘pelican lights’ kienu fuq l-aħmar għal dawk li jkunu qed jaqsmu.
L-Imħallef Mintoff żied li Attard għolla idu biex jiġbed l-attenzjoni ta’ Piscopo u b’hekk ikompli jaqsam it-triq imma din il-mossa ma kinietx biżżejjed biex ix-xufier jinduna bih u jieqaf ħesrem.
Huwa semma wkoll li ma irriżultax li Piscopo kien qed isuq b’veloċita iktar mill-50 kilometru fis-siegħa permissibbli għal dik it-triq tant li fiha ma kien hemm ebda marki tal-brejkijiet.