Anzjan ta’ 76 sena residenti San Pawl il-Baħar nħeles mill-akkużi li tella’ filmati estremi ta’ pornografija tat-tfal fuq l-internet. Dan wara li l-Qorti kkonkludiet li l-Prosekuzzjoni ma kinitx ressqet provi biżżejjed biex l-anzjan jinstab ħati.
Kien fi Frar ta’ sentejn ilu meta l-anzjan tressaq il-Qorti, fejn kien mixli li tella’ pornografija tat-tfal u li għamel użu ħażin ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joseph Busuttil spjegat fil-Qorti kif il-Pulizija kienet irċeviet rapporti minn National Center for Missing and Exploited Children (NCMEC) fl-Istati Uniti, fejn ġie identifikat l-IP address li ntuża biex allegatament jittellgħu jew jitniżżlu filmati pornografiċi tat-tfal.
Fil-Qorti, Busuttil xehed li ra erba’ filmati li allegatament ittellgħu mill-imputat. Il-filmati jinvolvu minuri jisfaw stuprati u abbużati minn adulti. Qal li allegtament dawn il-filmati ttellgħu fuq Facebook. Qal li mill-investigazzjoni nstab li l-mobile number u l-profil tal-Facebook kienu tal-imputat. Skont kumpanija tal-internet wieħed miż-żewġ IP addresses kien tal-akkużat.
Xehed l-espert tal-Qorti, Martin Bajada u spjega li l-akkużat kellu żewġ profili tal-Facebook u li wieħed minnhom ingħalaq mill-Meta. Qal li mit-tweġibiet li ħa mill-Google u l-Yahoo, ma setax jikkonkludi li l-akkużat tella’ dawn il-filmati fuq Facebook.
Bajada qal li analizza mal-15-il apparat elettroniku u ma sabx provi li qatt kien hemm dawn il-filmati fuqhom. Qal li m’hemmx evidenza li turi li l-imputat kellu dawn l-erba’ filmati li allegatament spiċċaw fuq Facebook kif ġie rrapportat minn NCMEC. Innota kif Google, Meta u Yahoo ma taw l-ebda informazzjoni li torbot lill-imputat ma’ dan il-kontenut.
Il-Qorti osservat li ma kienx hemm evidenza b’saħħitha li turi li l-imputat wettaq dawn ir-reati u qalet li kien hemm inkonsistenzi fl-evidenza mressqa. Innotat ukoll kif l-awtur tar-rapport ta’ NCMEC qatt ma xehed taħt ġurament dwar il-validità tal-istess rapport. Il-Qorti enfasizzat li rapport mhux iċċertifikat jew mgħoddi taħt ġurament ma jistax jintuża bħala prova.
Għaldaqstant, meta qieset kollox, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, qalet li ma kienx hemm provi biżżejjed biex l-imputat jinstab ħati. B’hekk huwa kien illiberat minn kull akkuża.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Dorianne Tabone. L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għall-imputat.