Thursday, November 14, 2024

Anzjan qata’ griżmejn martu f’att ta’ mħabba

Aqra wkoll

Pensjonant qata’ griżmejn martu ta’ 71 sena f’patt ta’ suwiċidju bejniethom. Il-mara li kellha marda terminali, xhur qabel kienet talbitu biex ineħħilha ħajjitha “jekk u meta l-kundizzjoni tagħha tkompli tmur għall-agħar”.

Graham Mansfield ta’ 73 sena, li qabel irtira kien iġorr il-bagalji fl-ajruport ammetta, li qatel lil martu Dyanne għax kienet marida terminalment bil-kanċer. Waqt il-ġuri tiegħu fil-Qorti ta’ Manchester qal li kliem martu kienu l-iktar kliem ta’ niket li qatt sema’ f’ħajtu iżda insista li bli għamel wettaq ix-xewqa ta’ martu f’att ta’ mħabba lejha. 

Huwa rrakkonta wkoll li kien aċċetta biss it-talba tagħha bil-kundizzjoni li joqtol lilu nnifsu wkoll għax ma kienx jiflaħ jgħix mingħajrha.

Il-Ġurija ta’ 10 damu biss 90 minuta biex ħarġu bil-verdett ta’ mhux ħati tal-qtil għalkemm sabu lil Mansfield ħati ta’ qtil involontarju. B’hekk huwa ġie meħlus minn piena ta’ ħabs wara li ngħata sentejn ħabs sospiżi mill-imħallef li ddeskriva ċ-ċirkostanzi tal-każ bħala “eċċezzjonali”.

Mansfield kien instab f’għadira demm fid-dar tal-koppja f’Hale, Greater Manchester, filwaqt li l-katavru ta’ martu Dyanne instab fuq siġġu f’rokna fil-ġnien. Dan il-każ kien seħħ f’Marzu tas-sena l-oħra

F’nota ta’ suwiċidju li kien ħalla, l-anzjan skuża ruħu mal-familja tiegħu waqt li fiha fisser ukoll li ma kienx hemm triq oħra.

Huwa stqarr li hu u martu kienu għamlu patt bejniethom li meta saħħet martu Dyanne tkompli tmur għall-agħar, itemmilha ħajjitha. Spjega wkoll li hu u martu kellhom ħajja sabiħa u ferħana flimkien.

Fil-qorti huwa qal li ma setgħax ikompli għix mingħajr Dyanne u kif ix-xhur avvanzaw u hekk kif l-affarijiet komplew marru għall-agħar kien wasal il-mument li tittieħed id-deċiżjoni. 

Il-familja, il-ħbieb u l-ġirien tal-koppja tkellmu tajjeb dwar l-imputat u ddeskrivew id-devozzjoni bla waqfien tiegħu lejn martu.

Mansfield kien ċaħad l-akkuża ta’ qtil u wieġeb mhux ħati għal akkuża alternattiva ta’ qtil involontarju fuq il-bażi li l-azzjonijiet tiegħu “twettqu permezz ta’ ċirkustanzi ta’ forza”.

Waqt is-sentenza, l-Imħallef li ppresieda l-ġuri ddeskrieva ċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ bħala traġedja għall-anzjan u eċċezzjonali fl-esperjenzi tal-qorti.

Ekonomija

Sport