Saturday, July 20, 2024

Anzjana mhedda b’lasta tal-ħadid għax marret tgħix f’darha

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Sid ta’ mezzanin li kellha tirritorna fir-residenza tagħha wara li miet is-sieħeb li kellha, sfat vittma ta’ abbuż inkonċepibbli minn raġel li ġabitlu ħniena u ħallietu jgħix fil-proprjetà tagħha wara li ssepara. Dan biex quddiem wiċċha l-anzjana sabet xejn għajr tgħajjir u abbuż li saħansitra eskala għal theddid fiżiku b’lastra tal-metall. 

Il-mara vulnerabbli u avvanzata fl-età ħalliet lil dan ir-raġel jgħix fid-dar tagħha biex minflok apprezzament, l-okkupant għamel minn kollox biex ikeċċiha minn darha stess. Dan billi b’”malizzja” hekk kif deskritt mill-Qorti, fost affarijiet oħra ċaħħadha mill-ikel, ilma, sodda, aċċess fil-kmamar u l-internet, kif ukoll għajjarha, akkużaha u heddidha serjament.

Dettalji li ħarġu f’affidavit ippreżentat mill-vittma fi proċedura tal-ġiljottina, ingħad li r-raġel inkwistjoni kien talab lill-esponenti biex imur jgħix fil-mezzanin tagħha wara li kien għadu kemm issepara. Iżda mat-talba, sid il-mezzanin kienet rrifjutat. Madanakollu, is-sieħeb li kellha kien injora din id-deċiżjoni u qabad u ta ċ-ċwievet tal-post lill-konvenut. Wara dan, ġara li l-anzjana ma kinitx reġgħet opponiet b’konsegwenza li r-raġel baqa’ jgħix fil-proprjetà tagħha.

Kien ilu jgħix fil-post tagħha 18-il sena…

Mid-dettalji li ngħataw, dak iż-żmien is-sid tal-proprjetà inkwistjoni kienet qiegħda tgħix mas-sieħeb li kellha fid-dar li kellu u għalhekk il-proprjetà tagħha kienet battala. Wara li miet is-sieħeb tagħha hija kellha titlaq mill-propjetà tiegħu. Kien hawn li hija talbet lill-konvenut biex joħroġ mill-post u jmur jgħix fil-post li kellu jsib skont dak li kien wegħdha meta kien talabha biex imur jgħix fil-post tagħha 18-il sena ilu. Dan bil-għan li hija tmur tgħix fil-proprjetà tagħha mentri huwa u l-familja tiegħu jiżgumbraw il-fond. 

L-anzjana spjegat li kellha tidħol lura fil-propjetà tagħha fi żmien immedjat minħabba l-fatt li kellha toħroġ mill-propjetà tas-sieħeb fi żmien 10 xhur. Mill-informazzjoni li ħarġet mill-Qorti, fis-sena 2020 u fis-sena 2022 il-konvenut kien xtara żewġ proprjetajiet iżda minkejja dan, huwa xorta waħda baqa’ jokkupa l-proprjetà tagħha. Ingħad li wara perjodu qasir ta’ żmien li l-esponenti għamlet tgħix mal-konvenut u familtu, is-sitwazzjoni tal-għixien tagħha marret mill-ħażin għall-agħar u dan minħabba l-atteġġjament tal-konvenut li, b’mod indirett, kien intiż biex ikeċċiha mill-propjetà tagħha stess.  

Bla ikel, bla ilma, bla sodda u bla aċċess għall-kmamar jew l-internet…

Dan barra għajjat, akkużi u theddid

Din l-imġieba ħażina fil-konfront tagħha kienet tinkludi għajjat għalxejn b’xejn lejha u akkużi foloz ta’ ħsarat fil-propjetà. Apparti minnhekk, għal aktar minn darba l-esponenti qalet li baqgħet bla ikel għax il-konvenut kien iħalliha b’xejn u hija tinsab fi stat wisq vulnerabbli biex tipprepara l-ikel għaliha stess. L-anzjana rrakkontat kif kien hemm ukoll perjodu fejn il-konvenut kien qiegħed intenzjonalment jitfi r-reverse osmosis li kellu installata fil-kċina biex jisforzaha tixrob ilma tal-vit. L-istess raġel li laqgħet f’darha jingħad li kien isakkar il-kmamar kollha fil-propjetà u jżomm iċ-ċwievet għandu anke meta ma kienx ikun qiegħed fl-imsemmi mezzanin. 

Fil-Qorti ngħad li, “saħansitra, kien hemm inċidenti fejn l-esponenti ma kinitx tkun tista’ tidħol fil-kamra fejn kienet qiegħda torqod u għalhekk kienet tispiċċa torqod fuq sufan antik li ma kien xejn adattat għal mara avvanzata fl-età bħall-esponenti. Wara perjodu qasir li l-esponenti għamlet tgħix mal-konvenut, huwa b’intenzjoni malizzjuża ddeċieda li jbiddel il-password tal-wifi u rrifjuta li jagħtiha l-password l-ġdida biex hija jkun jista’ jkollha aċċess. Kien hemm ukoll inċident fejn il-konvenut kellu jiġi mwaqqaf verbalment mis-sieħba tiegħu meta kien se jaggredixxiha b’lastra tal-metall”. 

Fl-affidavit tagħha l-anzjana nsistiet u anke ġew ippreżenati dokumenti bħala prova, li l-propjetà inkwistjoni hija tagħha u għaldaqstant il-konvenut m’għandu l-ebda titolu fuqha. Sostniet li l-imġieba tar-raġel li qiegħed jokkupa l-mezzanin tagħha qiegħda twaqqafha milli tgawdi u tuża l-propjetà taghha. Għalhekk, talbet lill-Qorti tiddeċiedi l-kawża b’dispensa tas-smigħ a tenur tal-Artiklu 167 tal-Kap 12. 5 b) u tordna l-iżgumbrament mill-aktar fis possibbli tal-konvenut mill-propjetà inkwistjoni. 

Propjetà li bla dubju hija tal-vittma… 

Il-Qorti min-naħa tagħha semgħet id-difensuri tal-partijiet u rat is-sottomissjonijiet ippreżentati, kif ukoll semgħet ix-xhieda tar-rikorrenti. Din qieset li l-intimat ma rnexxilux jissodisfa lill-Qorti li kellu eċċezzjonijiet prima facie xi jressaq u għaldaqstant, l-istess Qorti għaddiet biex tilqa‘ l-ewwel talba tar-rikorrenti u semgħet il-kawza bid-dispensa tas-smigħ. Rat ukoll l-affidavit u d-dikjarazzjoni tal-anzjana.

Il-Qorti stabbilit li l-proprjetà msemmija fil-proċess mingħajr ebda dubju hija tal-anzjana u mhux tal-intimat u sostniet li l-okkupant da parti tiegħu lanqas rnexxilu fuq bazi ta’ prima facie juri li għandu xi titolu fuq il-proprjetà . Kien għalhekk li qieset li l-premessa tar-rikorrenti li l-intimat qiegħed jokkupa l-fond inkwistjoni mingħajr ebda titolu validu fil-liġi hija ġustifikata u konsegwentement ordnat l-iżgumbrament tal-intimat mill-mezzanin tal-anzjana fi żmien massimu ta‘ tliet xhur. 

F’ din is-sentenza ġie deċiż ukoll li l-ispejjeż kollha jitħallsu mill-intimat.

Ekonomija

Sport