Sunday, December 29, 2024

Anzjana tibda mixja għall-paċi fuq ir-rotta li kien għamel Marco Polo minn Venezja għal Beijing

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Aħbar sorprendenti hija dik ta’ pjan ambizzjuż minn Vienna Cammarota, anzjana ta’ 72 sena, li beħsiebha tagħmel mixja għall-paċi twila 13,000-il mil. Din il-mara Taljana għażlet l-avventura tal-famuż Marco Polo li fih kien ivjaġġa miinn Venezja għal Beijing. Dan il-vjaġġ epiku magħmul mill-merċenarju leġġendarju huwa tul ir-rotta ta’ kummerċ antika magħrufa bħala s-Silk Road, it-triq tal-ħarir.

Cammarota telqet minn Venezja, il-belt li twieldet fiha, it-Tlieta li għadda u se tagħmel total ta’ 13,670 mili (22,000 kilometri) li jkopru xejn inqas minn 15-il pajjiż. Il-mira tagħha hija li tasal f’Beijing f’Diċembru tal-2025.

Din l-anzjana li qiegħda tkun ta’ ispirazzjoni għal ħafna nies, turi kemm l-anzjanità m’għandhiex tillimita lil dak li jkun u hija prova ta’ kemm l-età hija biss numru. Cammarota minn dejjem kienet tħobb timxi u fil-fatt ilha għal aktar minn 30 sena tagħmel dan il-passatemp san. Fl-imgħoddi hija għamlet vjaġġ bil-pass li fih qasmet Tibet, il-Palestina, l-Iżrael, Patagonia u Madagascar. L-aktar avventura riċenti li kellha kienet vjaġġ fil-bliet medjevali fir-reġjuni fin-Nofsinhar tal-Italja ta’ Campania, Calabria u Basilicata.

Qabel telqet għal dan il-vjaġġ Cammarota qalet li hija lesta għal din l-isfida li fiha se tesperjenza territorji kontrastanti u klima differenti. Dan il-vjaġġ se jeħodha fl-Ewropa, fil-Lvant Nofsani u fl-Ażja u fil-fatt ammettiet li hija xi ftit imħassba jekk jirnexxielhiex jew le.

“Qabel nibda vjaġġ, dejjem inħoss xi ftit ta’ inċertezzi,” spjegat din l-anzjana. Barra basket ħafif fuq daharha Cammarota hija mgħammra b’camera biex tiġbed il-vjaġġ li se tkun qiegħda tagħħmel kif ukoll telefon li jinkludi App li minnha t-tabib tagħha se jkun qiegħed isegwi l-kundizzjoni fiżika tagħha. Hija qalet li, “se jkun hemm mumenti ta’ sfidi kbar fosthom il-kesħa f’Mongolia, iżda nħossni ppreparata”.

Cammarota se taqsam fl-Islovenja mit-Tramuntana tal-Italja u mbagħad terħilha lejn il-Kroazja, is-Serbja, il-Bulgarija, it-Turkija, Georgia, l-Iran, Turkemenistan, Azerbaijan, Uzbekistan, Kyrgyzstan, Kazakhstan, Mongolia u finalment tasal fiċ-Ċina. Meta hija tasal fid-destinazzjoni finali tagħha se jkollha 75 sena.

Hija tittama li ssib akkomodazzjoni min-nies li se tiltaqa’ magħhom tul il-vjaġġ u dan “mhux għax irrid niffranka l-flus iżda għax nixtieq kuntatt dirett biex inkun nista’ ngħid l-istorja ta’ kull pajjiż mill-esperjenzi tan-nies li noqgħod għandhom”. Hija qalet li għandu mnejn li l-familja tagħha tingħaqad magħha f’postijiet li tkun se ddum fihom għal aktar minn jumejn.

Cammarota, li hija wkoll ambaxxatur ta’ “Archeoclub Italia”, li hija assoċjazzoni għall-preservazzoni tal-wirt kulturali, ħadet din l-idea mill-esploratur Johann Wolfgang von Goethe, l-awtur Ġermaniż li ppubblika d-djarji tal-vjaġġi tiegħu fl-Italja bejn l-1786 u l-1788 fil-ktieb “Italian Journey” (Il-Vjaġġ Taljan) u ovvjament minn Marco Polo. 

Polo kien telaq minn Venezja fl-1271 fl-età ta’ 17-il sena u qatta’ aktar minn 20 sena jivjaġġa mill-Asja fi triq li aktar tard saret magħrufa bħala s-“Silk Road”. Probabbilment l-aktar Ewropew famuż li għamel dan il-vjaġġ, Polo kien kiteb l-avventuri li għadda minnhom u l-pubblikazzjoni tiegħu saret waħda mill-aktar kotba famużi fid-dinja.

“Wara Von Goethe, affaxxinajt ruħi b’Marco Polo,” spjegat Cammarota fejn żiedet tgħid li, “inħobb l-Istorja, il-kultura u l-arkeoloġija u rrid nimxi biex nara u nirrakkonta iżda aktar minn hemm irrid nisma’ r-rakkonti”.

Din l-anzjana se tkun qiegħed timxi b’żewġt ibnadar, dik Taljana u Ukrena fejn iddikjarat li din hija “mixja għall-paċi” bil-għan li “tgħaqqad il-popolazzjonijiet”.

Ekonomija

Sport