Sunday, December 22, 2024

Anzjana tinstab ħatja li kkaġunat il-mewt ta’ anzjan li kien jgħix magħha

Aqra wkoll

Penelope Davis ta’ 78 sena nstabet ħatja li 4 snin ilu kkaġunat il-mewt ta’ Ernest Thompson ta’ 90 sena li kienet hi li tieħu ħsiebu fir-residenza tiegħu f’San Pawl il-Baħar.

Kien fl-24 ta’ Ġunju tal-2020 meta l-Pulizija kienet irċiviet rapport mingħand it-tabib Mario Blackman li jaħdem fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.

Dr Blackman kien imsejjaħ id-dar tal-anzjan u kien hu li ċċertifikaħ mejjet. Hu kien instab mejjet mal-art. Minħabba ċ-ċirkostanzi li nstab fihom, kienet infetħet inkjesta li kkonkludiet li l-anzjan seta’ miet minħabba traskuraġni.

Il-Pulizija waqt l-investigazzjonijiet tagħha kienet tkellmet ma’ Davis u anke tressqet il-Qorti fejn ġie akkużata li bi traskuraġni kkaġunat il-mewt ta’ Thompson.

Min-naħa tiegħu Dr Mario Scerri li kien imqabbad biex jeżamina l-katavru fix-xhieda tiegħu qal li l-anzjan kellu sinjali ta’ telqa u li hu miet minħabba pnewmonja mhux trattata. Huwa ddeskriva l-każ bħala wieħed mill-agħar li qatt ra f’karriera ta’ 35 sena.

Dr Scerri xehed li l-ġrieħi li kellu fuqu l-anzjan kienu juru biċ-ċar li kien ilu ħafna fl-istess pożizzjoni u peress li kellu d-dimensja ma kienx f’pożizzjoni li jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.

Min-naħa tagħha l-akkużata fix-xhieda tagħha qalet li saret taf lil Thompson meta kienu l-Ingilterra. Qalet li ma kien hemm l-ebda relazzjoni bejnithom ħlief li kienu jgħixu fl-istess dar li trawha bejnithom. Hi ċaħdet li ttraskuratu tant li qalet li kienet taħslu, tbiddillu l-ħwejjeġ u anke qalet li hu kien jorqod mal-art biex ma jaqax mis-sodda.

Il-Maġistrat Nadine Sant Lia qalet li r-ritratti tal-katavru kienu xokkanti u setgħet tifhem dak li qal fix-xhieda tiegħu Dr Scerri. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li hu kien qiegħed jittieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta b’mod regolari, iżda fl-istess ħin uriet tħassib dwar kif it-tobba ma kinux konxji tal-kundizzjoni ħażina tal-anzjan.

Qalet li Davis ħalliet is-sitwazzjoni taħarbilha minn taħt il-kontroll tagħha meta setgħet talbet l-għajnuna biex l-anzjan jingħata kura aħjar.

Wara li semgħet u għarblet ix-xhieda kollha, il-Qorti sabet lil Davis ħatja tal-akkużi u kkundannatha sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin kif ukoll ordnatilha tħallas €2,000 tal-esperti tal-Qorti.

Ekonomija

Sport