Illum, għall-ħabta tat-3.30pm, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Hompesch, il-Fgura.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Toyota Corolla misjuqa minn mara ta’ 23 sena residenti Ħaż-Żabbar u Audi Q3 misjuqa minn raġel ta’ 77 sena residenti Wied il-Għajn.
Fit-Toyota kien hemm ukoll mara ta’ 71 sena residenti Ħaż-Żabbar filwaqt li fl-Audi kien hemm ukoll żewġ nisa ta’ 76 sena u 42 sena, it-tnejn residenti Wied il-Għajn, u żewġ subien ta’ 14 u 11-il sena.
Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku, u ambulanzi ħadu lill-persuni kollha l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Sfortunatament, il-mara ta’ 71 sena ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara filwaqt li l-mara ta’ 23 sena tinsab f’qagħda serja, ir-raġel ta’ 77 sena u l-mara ta’ 76 sena ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi. Il-kundizzjoni tal-persuni l-oħra għadha pendenti.
Il-Maġistrat Dr Ian Farrugia LL.D ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.