Anzjana tilfet ħajjitha wara li aktar kmieni għall-ħabta tal-5:00 p.m kienet involuta f’inċident fi Triq San Publiju f’Tas-Sliema.
Minn investigazzjoni li saret irriżulta li l-anzjana ta’ 75 sena residenti fl-istess lokalità spiċċat maqbuda taħt il-karozza, Toyota Aygo, ftit wara li niżlet minn ġo fiha. Għal xi raġuni l-karozza mxiet ’il quddiem bil-konsegwenza li l-anzjana spiċċat maqbuda taħt l-istess vettura, li waqfet ma’ ħajt.
Tim mediku kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili assistew lill-anzjana minnufih iżda sfortunatament ftit tal-ħin wara kienet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.