Ftit tal-jiem ilu raġel ta’ 81 sena intlaqat minn karozza f’Ħal-Luqa. Fl-aħħar snin żdied in-numru ta’ persuni mexjin milquta minn karozza u l-istatistika turi li 20% ta’ dawk li nqatlu huma anzjani. Barra minn hekk, persuni mexjin li għandhom aktar minn 60 sena huma aktar probabbli li jsofru ġrieħi gravi.
Hemm numru ta’ raġunijiet għaliex l-anzjani huma aktar suxxettibbli għall-korrimenti fit-toroq. Persuni anzjani mexjin, bħala regola jimxu aktar bil-mod minn persuni iżgħar minħabba aspetti fiżjoloġiċi, bidliet fil-ġisem tagħhom u kundizzjonijiet mediċi assoċjati, bħall-artrite.
Għalhekk, spiss jiġri li dawn ma jkunux jistgħu jżidu l-pass tagħhom jekk ikunu meħtieġa li jagħmlu dan f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Huwa aktar probabbli li jkollhom vista difettuża, nuqqas ta’ smigħ u anke r-riflessi tagħhom jistgħu jkunu inqas effettivi.
Għadd ta’ anzjani m’humiex sodi fuq saqajhom u b’hekk, huwa aktar probabbli li jitfixklu u jaqgħu jekk jgħaġġlu waqt li jkunu qed jaqsmu t-triq. Gradi differenti ta’ dimenzja jistgħu jirriżultaw f’imġieba mhux mistennija, li tista’ tkun fattur addizzjonali biex iżid ir-riskju tagħhom.
Dawn il-fatturi kollha huma iżjed aggravati meta tiftakar fil-volum li dejjem jiżdied ta’ traffiku fit-toroq tagħna kif ukoll is-sabar min-naħa tas-sewwieqa li ħafna drabi jibdew idoqqu l-ħorn biex jgħaġġlu lin-nies waqt li jkunu qed jaqsmu.
Dan jista’ jistressja lill-anzjani li jkunu mexjin tant li jiddiżorjentawhom u jwasslu għal korrimenti. Is-sewwieqa jridu dejjem jiftakru li l-anzjani huma aktar fraġli u jistgħu jweġġgħu serjament anke wara li jintlaqtu b’veloċità li tkun relattivament baxxa.
Ta’ min jgħid ukoll li l-persuni mexjin anzjani għandhom ukoll jagħtu sehemhom min-naħa tagħhom stess fit-tnaqqis ta’ inċidenti u korrimenti. L-anzjani jeħtieġ li jkunu konxji tal-limitazzjonijiet tagħhom stess u jippjanaw il-vjaġġ tagħhom fl-aħjar mumenti tal-ġurnata. Għandhom jużaw il-pelican u ż-zebra crossings kull meta jkun possibbli.
Preferibbilment għandhom jevitaw li jimxu waħedhom u jistennew li jaqsmu t-toroq ma’ oħrajn biex iżidu l-viżibilità tagħhom partikolarment f’toroq traffikużi. L-ilbies ikkulurit u li jirrifletti jgħin ukoll.
Jidher ċar minn dak li ntqal hawn fuq li l-persuni mexjin anzjani huma partikolarment vulnerabbli meta jkunu qed jimxu fit-triq. Ħafna minn dawn il-punti huma ovvji u loġiċi, iżda ħafna drabi huma minsija.
Għalhekk nappella lis-sewwieqa kollha biex iqisu l-fatturi li semmejt meta jkunu qed isuqu. Ejjew ilkoll naħdmu biex nevitaw li l- anzjani ma jsirux parti minn statistika kerha..
Nisperaw li jekk ilkoll neżerċitaw aktar attenzjoni u kawtela fit-toroq, l-istaġun tal-festi jibqa’ perjodu ta’ ċelebrazzjoni u mhux wieħed ta’ traġedji, li jistgħu jiġu evitati. Nawguralkom ilkoll il-Milied it-Tajjeb.