Friday, May 9, 2025

Anzjanita’ b’Dinjità: Għal Soċjetà Inklussiva u Parteċipattiva

- Jikteb il-President tal-Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava

Aqra wkoll

Fi żmien fejn il-popolazzjoni Ewropea, inkluża dik f’pajjiżna, qed tixjieħ b’rata mgħaġġla, huwa aktar importanti minn qatt qabel li niddiskutu u nieħdu passi konkreti biex niżguraw li l-anzjani jibqgħu parti attiva, rispettata u influwenti fil-komunitajiet tagħna. It-tixjiħ m’għandux jissarraf f’mawra lejn iżolament jew dipendenza, iżda għandu jkun pass naturali fil-ħajja fejn il-persuna tibqa’ tgħix b’dinjità, indipendenza u skop.

L-isfidi soċjali, psikoloġiċi u fiżiċi li jiffaċċjaw l-anzjani

L-anzjani, speċjalment dawk li jgħixu waħedhom jew li m’għandhomx sistema ta’ appoġġ familjari, spiss jiffaċċjaw iżolament soċjali serju. L-iżolament jista’ jwassal għal diffikultajiet mentali, fosthom sens ta’ inutillità, ansjetà, u f’ħafna każijiet, dipressjoni. L-iżvilupp ta’ dinjitajiet bħall-“dementia” jew il-progressjoni ta’ kundizzjonijiet kroniċi bħal mard tal-qalb, diabete jew problemi muskolitarji, huma ta’ spiss kaġun ta’ tnaqqis fl-awtonomija personali.

Minħabba dawn ir-realtajiet, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qed tħeġġeġ lill-kunsilli biex jimplimentaw inizjattivi ta’ ta’ inklussivita u network ta’ appoġġ fiż-żoni residenzjali, li jistgħu jieħdu forom differenti. Dawn għandhom ikunu immirati b’ mod soġjali u biex jitnaqqas l-iżolament u tiżdied il-kwalità tal-ħajja.

Kif għandhom jadattaw is-sistemi soċjali biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-anzjani

Id-drittijiet tal-anzjani ma jistgħux jiġu trattati bħala estensjoni ta’ benefiċċji soċjali. Għandhom jitqiesu bħala parti intrinsika mid-dinjità umana. Dritt għal kura tas-saħħa, għal edukazzjoni kontinwa, għal mobilità aċċessibbli, għal informazzjoni ċara u għal parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika – dawn kollha huma elementi li għandhom jiġu ggarantiti b’mod sistemiku.

L-Assoċjazzjoni qed taħdem biex tinkoraġġixxi lill-kunsilli lokali biex joħolqu pjani lokali ta’ inklużjoni soċjali li jinkludu b’mod ċar politiki dwar l-anzjanità. Il-proċessi ta’ budget lokali, il-pjanijiet ta’ żvilupp u l-inizjattivi komunitarji għandhom jinkorporaw il-bżonnijiet u l-vuċi tal-anzjani.

Interventi effettivi għall-attività u s-saħħa tal-anzjani

Il-konċett ta’ “healthy ageing” imur lil hinn mill-prevenzjoni tal-mard. Jinkludi stil ta’ ħajja attiva, l-inkoraġġiment ta’ interazzjonijiet soċjali, u l-promozzjoni ta’ attività mentali u emozzjonali. L-interventi jvarjaw minn programm ta’ eżerċizzju adattat (bħal yoga għal anzjani, walking groups) għal workshops dwar nutrizzjoni u saħħa mentali.

L-Assoċjazzjoni qed tappoġġja wkoll l-użu tal-ispazji pubbliċi b’mod li jservu wkoll lill-anzjani – bankijiet kennija fid-dell, mogħdijiet siguri, ‘access ramps’, u ċentri ta’ attivitajiet fiż-żoni residenzjali. Proġetti bħal “Komunitajiet Favur l-Anzjani” qed jiġu mnedija f’diversi lokalitajiet bħala mudelli li jistgħu jiġu replikati.

Ir-rwol tat-teknoloġija diġitali fl-anzjanità

It-teknoloġija tista’ sservi bħala pont li jgħaqqad lill-anzjani mal-familji tagħhom, mas-servizzi u mal-komunità. Iżda ħafna drabi tista’ sservi wkoll ta’ baarrikata, minħabba nuqqas ta’ ħiliet jew biża’ milli wieħed jużaha ħażin. Għalhekk, it-taħriġ adattat huwa essenzjali. Mhux biżżejjed li tagħti tablet jew mobile phone – trid toffri taħriġ personalizzat, bil-lingwa li jifhmu u bil-pass li jaqbel magħhom.

Il-Kunsilli Lokali, qed jorganizzaw sessjonijiet ta’ taħriġ fil-libreriji lokali, ċentri ta’ matul il-jum u saħansitra skont l-esiġenzi ta’ dawn l-anzjani, anki f’żoni rurali. L-għan hu li l-anzjan ikun jista’ juża app għal użu aħjar tas-servizzi tas-saħħa online, jitkellem ma’ qrabatu fuq video calls, juża banking online u saħansitra jipparteċipa f’attivitajiet soċjali virtwali.

Tagħlim tul il-ħajja u parteċipazzjoni attiva

L-edukazzjoni ma tintemmx mal-iskola – għandha tkun proċess li jibqa’ għaddej matul il-ħajja kollha. L-anzjani għandhom ħafna x’joffru imma wkoll ħafna xi jitgħallmu. It-tagħlim jista’ jkun dwar suġġetti prattiċi (bħall-kompjuters jew il-kura personali), imma wkoll dwar esperjenzi kulturali, lingwi, arti, jew anke self-expression. Dan joffrilhom opportunità mhux biss biex jiksbu ħiliet ġodda, iżda wkoll biex iħossuhom iktar konnessi mal-ħajja pubblika.

L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qed taħdem fuq mudelli ta’ “Lokalitajiet Li Joffru Tagħlim Tul il-Ħajja” fejn kull kunsill jidentifika attivitajiet edukattivi għar-residenti, inklużi dawk anzjani, u jinvolvi wkoll lill-anzjani bħala edukaturi jew mentors. Barra minn hekk, l-anzjan se jkun qed jiġi mħeġġeġ biex jipparteċipa b’mod formali fi gruppi ta’ konsultazzjoni, għaqdiet u kumitati komunitarji u anke f’forma ta’ “għażliet parteċipattivi” fi ħdan il-kunsilli.

L-anzjani fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell lokali: Leħen li jixraqlu jinstema’

F’sistema demokratika maturata, kull resident għandu d-dritt li jħossu parti mill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż, u b’mod partikolari, l-anzjani. Dan ma jfissirx biss li jingħataw spazju biex “jinstemgħu”, iżda li jkollhom strutturi konkreti li jippermettulhom jinfluwenzaw id-direzzjoni li tieħu l-komunità tagħhom. L-anzjani, bil-ħiliet tagħhom, bl-esperjenza u bir-rabta storika tagħhom mal-lokalitajiet, għandhom potenzjal qawwi biex jikkontribwixxu għal ħajja komunitarja aktar b’saħħitha.

Il-Kunsilli Lokali bħala struttura ewlenija għall-inklużjoni parteċipattiva

Il-Kunsilli Lokali għandhom ir-rwol ideali biex iħaddnu u jorganizzaw l-ispazju parteċipattiv għall-anzjani. Billi huma l-istrutturi l-aktar qrib ir-resident, jistgħu jippermettu involviment dirett permezz ta’:

• Konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-baġit u l-pjanijiet ta’ żvilupp fejn l-anzjani jiġu mistiedna jippromettu suġġerimenti jew jipparteċipaw f’laqgħat tematiċi.

• Kumitati jew fora ta’ anzjani li jkunu formalment rikonoxxuti fi ħdan il-Kunsill, li jistgħu jservu ta’ organu konsultattiv fuq temi li jaffettwaw direttament l-istil ta’ ħajja tagħhom – bħall-inklużjoni, is-saħħa, it-trasport u l-aċċess għall-informazzjoni.

• Attivitajiet parteċipattivi, fejn l-anzjani jiġu mistiedna mhux biss jipparteċipaw, imma anke jorganizzaw – minn proġetti kulturali u storiċi, sa inizjattivi komunitarji ta’ tagħlim jew servizzi volontarji.

Biex dan iseħħ, il-Kunsilli Lokali għandhom jimplimentaw metodoloġiji parteċipattivi: questionnaires adattati, laqgħat f’ żoni residenzjali, attivitajiet ta’ interazzjoni bejn ġenerazzjonijiet, u proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet “bottom-up”.

Il-viżjoni tal-Assoċjazzjoni: Parteċipazzjoni reali, mhux simbolika

L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qed taħdem biex il-parteċipazzjoni tal-anzjani tiġi rikonoxxuta bħala komponent essenzjali tal-governanza lokali. Dan qed isir permezz ta’:

• Għoti ta’ taħriġ lill-kunsilli dwar kif jinvolvu l-anzjani b’mod effettiv – mhux biss bħala benefiċjarji, imma bħala ko-progettisti ta’ politika u prattika.

• Promozzjoni ta’ prattiki tajbin fost il-lokalitajiet – pereżempju, f’xi komunitajiet diġà jeżistu bordijiet lokali ta’ anzjani li jiltaqgħu regolarment mal-Kunsill biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ inklużjoni u ġestjoni ta’ spazji pubbliċi.

• Proġetti ta’ kollaborazzjoni ma’ NGOs u istituzzjonijiet edukattivi biex jinħolqu ambjenti ta’ taħriġ, għarfien u esperjenza.

L-għan huwa li l-anzjan mhux biss jissensibilizza ruħu dwar dak li qed jiġri fil-lokalità tiegħu, imma jħoss li għandu rwol dirett fil-formazzjoni ta’ deċiżjonijiet, li dawn mhumiex “imposti minn fuq”, imma “iżviluppati mill-ġewwa tal-komunità”.

X’għandhom ikunu l-prijoritajiet?

Biex din ir-realtà ssir prattika u mhux biss aspirazzjoni, hemm bżonn li jiġu stabbiliti prioritajiet strateġiċi:

1. Strutturi stabbli għall-parteċipazzjoni – inkluż kumitati ta’ anzjani rikonoxxuti uffiċjalment, b’relazzjoni ċara mal-Kunsill Lokali.

2. Aċċessibilità għall-informazzjoni u għall-proċessi ta’ konsultazzjoni – li tinkludi komunikazzjoni bil-Malti ċar, laqgħat f’ħinijiet adatti, u mezzi ta’ komunikazzjoni li jqisu l-ħiliet diġitali.

3. Inċentivi għall-parteċipazzjoni attiva – bħal trasport għal laqgħat, rikonoxximent pubbliku, jew opportunitajiet ta’ taħriġ għall-anzjani biex jikkontribwixxu b’kunfidenza.

4. Involviment f’diskussjonijiet dwar proġetti kapitali u ambjentali – fejn il-perspettiva tal-anzjani tista’ tagħti kontribut uniku dwar l-aċċessibilità, l-użu tal-ispazju u l-ħarsien tal-memorja kollettiva tal-komunità.

5. Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni – biex ikun hemm evidenza ta’ kif il-proposti tal-anzjani qed jitqiesu u jiġu inkorporati fil-politiki lokali.

L-anzjani bħala parti attiva mill-ħajja demokratika lokali

Inklużjoni vera tfisser aktar minn servizzi – tfisser djalogu. Tfisser li nagħtu spazju lil kull persuna biex tipparteċipa, tikkontribwixxi u tħoss li hija apprezzata. L-anzjani għandhom mhux biss dritt, imma wkoll valur kbir x’joffru.

Fil-kuntest Malti, fejn il-komunitajiet huma żgħar u qrib xulxin, għandna opportunità unika biex inkomplu nibnu fuq dan il-valur. L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali tibqa’ impenjata biex tmexxi din il-bidla – minn politika għal prattika, minn slogan għal azzjoni – biex l-anzjani verament isiru pilastru attiv tal-komunità, mhux biss referenza passiva tagħha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport