Saturday, December 21, 2024

Apoloġija lil vittma mill-FSWS

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-każ ta’ vittma li kienet stuprata tliet darbiet fl-età ta’ 12, 14 u 15-il sena xejn inqas minn għoxrin sena ilu u dan meta hi kienet taħt ‘ordni ta’ ħarsien, wassal biex il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) f’kummenti lil Talk.mt titlob apoloġija lill-vittma. Il-Fondazzjoni meta kkummentat ma’ dan is-sit iddikjarat li “l-ewwelnett, ta’ min isemmi l-fatt illi f’dan il-każ li seħħ 20 sena ilu, ħadd mill-membri tat-tim maniġerjali preżenti ma kien impjegat mal-Fondazzjoni dak iż-żmien. B’danakollu f’dan l-isfond il-Fondazzjoni qed titlob apoloġija lill-vittma għal dak li esperjenzat tul iż-żmien li għamlet taħt kura u r-riperkussjonijiet ta’ wara.”

Ta’ min jgħid li l-vittma, li llum għandha 35 sena, fittxet lill-Avukat tal-Istat u lill-FSWS talli naqsu milli jipproteġuha meta suppost. Il-vittma tgħid li għadha ssofri minn disturb ta’ stress post-trawmatiku u disturb ta’ personalità emozzjonalment instabbli. Fil-kawża tagħha u li l-Qorti iddeċidiet li l-FSWS għandha tagħti kumpens ta’ €70,000, hija sostniet li l-Istat naqas milli jinvestiga diversi allegazzjonijiet ta ’attakk sesswali u kienet suġġetta għal trattament inuman u degradanti u spiċċat fl-Isptar Monte Karmeli bħala kastig.

Illum prattiċi fl-FSWS fejn professjonisti għandhom l-obbligu li jirrappurtaw każijiet bħal dawn

Fil-kummenti lil Talk.mt, l-FSWS qalet li “l-Fondazzjoni llum għandha prattiċi u proċeduri fejn il-professjonijisti għandhom l-obbligu li jirrapurtaw każijiet bħal dawn. Fil-fatt, sar tibdil sostanzjali, tant li tajjeb wieħed isemmi: l-implimentazzjoni tal-Att dwar il-protezzjoni tal-minuri fl-2020 (Act, Kap 602), l-aġġornament tal-iStandards Operating Procedures mid-Direttorat tal-Kura Alternattiva li jipprojbixxu prattika ħażina u l-investiment fir-riżorsi umani kemm f’termini ta’ impjegati kif ukoll, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ taħriġ tagħhom. Apparti dan sar investiment f’bini (Children’s House) u taħriġ speċjalizzat fl-intervisti forensiċi li sar fl-Istati Uniti għall-impjegati li jkunu qed jinvestigaw abbuż fuq tfal u għall-ewwel darba ġie ingaġġat mal-Fondazzjoni, konsulent pedjatriku u żewġ infermiera pedjatriċi li jieħdu ħsieb is-saħħa tat-tfal taħt kura. Ma’ dan hemm iż-żieda bla preċedent tal-fondi allokati lill-Fondazzjoni u lill-NGO’s li jipprovdu serviz f’dan il-qasam; żidiet ta’ €18,825,000 u €16,456,000 rispettivament.”

M’għadux il-każ li tfal b’ordni ta’ 

ħarsien jgħixu ma’ ‘socia workers’

Mistoqsijin jekk għandhomx każijiet illum ta’ tfal b’ordni ta’ ħarsien li jgħixu ma’ ‘social wokers’, l-FSWS qalet lil IT-TORĊA li “dan m’għadux il-każ. Id-Direttorat għall-Kura Alternattiva (DAC) l-ewwel jassessja l-carers potenzjali kollha, kemm jekk huma fi djar residenzjali kif ukoll lil foster carers li jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti bħall-Fostering Board. Hemm ukoll l-obbligu legali li trid tinkiseb approvazzjoni li kull min jaħdem mat-tfal ma jkunx fil-lista tar-reġistru tar-reati sesswali.”

Il-messaġġ tagħna hu ċar… illum it-tfal taħt kura huma ferm aktar siguri

L-FSWS iddikjarat ukoll li “l-messaġġ tal-FSWS lill-pubbliku inġenerali hu car. It-tfal taħt il-kura illum il-ġurnata huma ħafna aktar siguri minn qatt qabel. Nemmen li fadal x’isir, b’danakollu it-tfal taħt kura jixraqilhom l-aħjar trattament u aħna kommessi li nkomplu ntejbu s-servizz tagħna bil-għan li nassiguraw ħajja aħjar, sana u sigura.”

Ta’ min jgħid li mis-sentenza li ngħatat mill-Qorti irriżulta li hi tpoġġiet taħt ordni ta’ ħarsien fl-età ta’ seba’ snin. Hija tqiegħdet f’dar residenzjali, iżda b’differenza minn sħabha r-residenti, ma setgħetx tqatta’ tmiem il-ġimgħa mal-qraba tagħha. Intqal li l-istat ma pprovdiex sistema alternattiva, u għalhekk kienet tqatta’ tmiem il-ġimgħa fid-dar residenzjali. 

Il-vittma fix-xhieda tagħha tgħid li meta kellha 12-il sena, kienet ġiet stuprata mir-raġel tas-social worker tagħha stess.

Filfatt tixhed li “niftakar li kont tassew beżgħana, u ma kontx ċert jekk immurx l-għassa tal-pulizija. Tlajt fis-sodda u dak kien l-aħħar lejl li rqadt għandhom, ”qalet fil-qorti. Tispjega li l-għada, is-social worker staqsietha jekk żewġha għamilx xi ħaġa magħha, u qaltilha li kienet se tibgħatu l-ħabs. Għalkemm il-Bord tal-Ordnijiet għall-Kura eventwalment sar jaf dwar it-talba ta ‘ abbuż u tawha social worker oħra, il-każ ma ġiex irrappurtat lill-pulizija u l-bord minflok ordna investigazzjoni interna.

Il-vittma xehdet li saret taf biss li l-każ ma kienx deċiż favur tagħha meta ta’ kienet rċeviet ittra legali mill-familja tas-social worker li wissietha biex tieqaf tigdeb. 

Tixhed li imbagħad kienet ġiet stuprata għat-tieni darba fil-Belt Valletta minn żagħżugħ meta kellha 14-il sena. Hija ppruvat tirreżisti l-aggressur iżda ma kinitx ċerta jekk kinitx qed tiġi abbużata, billi kienet taf li meta xi ħaġa simili kienet ġratilha fil-passat, ħadd ma emminha.

Jirriżulta li s-social worker il-ġdid tagħha rrapporta l-każ lill-pulizija iżda dan twaqqa’ meta l-aggressur miet xi snin wara. 

F’dan iż-żmien hi ddaħħlet l-Isptar Monte Karmeli u hemmhekk hi ġiet stuprata għat-tielet darba waqt li kienet għadha minuri. Hija tiftakar li ġiet marbuta b’cable u stuprata minn żewġ żgħażagħ. 

Jirriżulta li għal darb’oħra, il-pulizija ma ġewx infurmati. Mix-xhieda tagħha joħroġ li hi għadha tbati  mill-effetti u tgħid li “sal-lum għadni nara psikoterapista kull sitt ġimgħat, u ngħatajt ukoll kura medika.”

Qabbdulha psikjatra… tgħid li qaltilha l-verità iżda ddeċidiet li ma temminiex

Mix-xhieda tagħha, hi tixhed li l-Bord tal-Care Orders fetaħ investigazzjoni  u anke kienu qabbduha psikjatra lil ċertu Angela Abela. Hi qalet li hi qaltilha l-verità iżda dik iddeċidiet li ma temminiex. 

Fix-xhieda tagħha hi tgħid ukoll li “li ġara kien li meta bdejt inmur id-dar bdejt nara affarijiet stambi bħal per eżempju r-raġel tagħha kien jixrob l-alkohol  u kont narah jien stess imiss lit-tfal tiegħu, bħal jaqbdihom sidirhom. Hi kienet issikktu ilu u kienet taf li hu kelu fissazzjoni kbira fuq is-sess għax fil-basement tiegħu konna nsibulu ħafna affarijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sess”. Tgħid ukoll li għalkemm ħaddiema soċjali mhux suppost tieħdok id-dar tagħha, dak iż-żmien ċertu John Role  tal-Appoġġ kien aċċettta li jsir hekk.

Ekonomija

Sport