Nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Jannar, 2025, Ryan Spagnol, Segretarju tal-Kabinett, tella’ post fuq Facebook li kienet tgħid hekk: F’Lulju li għadda (2024) kont ftaħt libell fil-Qorti sabiex innaddaf ismi minn allegazzjonijiet malafamanti li nkitbu fuq il-midja soċjali. Il-proċeduri ta’ libell ġew fi tmiemhom illum (8 ta’ Jannar 2025) wara li l-kitbiet li saru dakinhar ġew irtirati b’mod sħiħ u assolut fil-Qorti. Il-prijorità tiegħi llum hija li nibqa’ nservi b’ħilti kollha biex pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem, kif dejjem għamilt b’sens ta’ lealtà u servizz. Inkun qed nonqos jekk ma nirringrazzjax lil dawk kollha li qatt ma ddubitaw l-integrità tiegħi, b’mod speċjali lill-Avukat Chris Cilia ta’ dak li għamel miegħi fl-aħħar xhur.
Xtaqt qabel nikkummenta ngħaddilek b’mod kronoloġiku kif żviluppat din l-istorja li l-protagonisti tagħha huma Ryan Spagnol, Segretarju tal-Kabinett, u Jason Azzopardi, eks-Segretarju Parlamentari, li l-elettorat Nazzjonalista sfiduċjah kompletament minn żewġ distretti u spiċċa barra mill-Parlament.
Nhar il-Ħamis, 4 ta’ Lulju 2024 Jason Azzopardi tella’ dan il-post: BOMBA:- Il-Cabinet Secretary Ryan Spagnol ġimgħa ilu ssemma minn Eġizzjan fil-kuntest ta’ investigazzjoni (li fuqha l-Eġizzjan tressaq ‘l Qorti u ingħata 6 xhur ħabs) lill-Ispettur tal-Pulizija fuq allegat TIXĦIM TAR-RACKET TAL-IDENTITY CARDS ILLEGALI MAĦRUĠA MINN IDENTITY MALTA b’ċertifikati iffalsifikati.
Mhux ta’ b’xejn Anġlu Gafa ma fetaħx INKJESTA fuq dan ir-racket li jmur lura sa mill-2015!
U mank allura Robert Abela jissospendih!
Mank jissossendi ruħu!
M’hemmx wieħed li hu wieħed sura minnkom?????
Ryan Spagnol rreaġixxa immedjatament b’post li fiha ċaħad dak allegat fil-konfront tiegħu u l-għada, il-Ġimgħa, 5 ta’ Lulju 2024, tella post ieħor li fiha qal hekk: Ftaħt libell lil Jason Azzopardi għax ma nistax nittollera li ismi jiġu mċappas b’allegazzjonijiet bħal dawk li semma. Min jafni u ħadem miegħi jitbissem għax jifhem ir-redikolaġni ta’ dak li ntqal. Iżda jien ma nservix lil min jafni biss u għalhekk ħadt dan il-pass.
F’ħajti qatt ma kelli xejn speċjali, ħlief il-prinċipju u d-dixxiplina li għallmuni u dejjem imxejt bihom kull fejn qdejt dmiri.
Hekk kif kien hemm oħrajn qabli, warajja ser ikun hemm oħrajn li jgħaddu minn dan li għaddej minnu jiena. Ibqgħu imxu mas-sewwa u tibżgħux.
Ovvjament mbagħad bdew il-proċeduri fil-Qorti li kif għidtlek aktar ‘il fuq ġew fi tmiemhom b’Jason Azzopardi jirtira dak li allega fil-konfront ta’ Ryan Spagnol u barra bid-daqq!!
Nistiednek biex flimkien naraw ftit ftit x’ippretenda Jason Azzopardi wara li għamel tiegħu x’seta’ allega ħaddieħor.
• Jason Azzopardi ta x’wieħed jifhem li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa ma fetaħx inkjesta għax suppost kien hemm involut Ryan Spagnol.
• Jason Azzopardi ppretenda li l-Prim Ministru jissospendi lil Ryan Spagnol.
• Jason Azzopardi ppretenda li Ryan Spagnol jissospendi lilu nnifsu.
U dawn il-pretensjonijiet kollha għax Azzopardi rrepeta bħal pappagall dak li suppost qal ħaddieħor, bla ma vverifika jekk dan kienx minnu.
Iva allura Jason Azzopardi possibbli ma jirrealizzax kemm b’għemil bħal dak tiegħu seta’ għamel ħsara bla bżonn lil persuna bħal Ryan Spagnol? Ma jirrealizzax dan Jason Azzopardi minn x’hiex għadda lil Ryan Spagnol u lil familtu? Ma jirrealizzax dan Jason Azzopardi kemm ħsara psikoloġika u mentali seta’ kkaġuna lil Ryan Spagnol?
Imma allura sewwa li wara attentat ta’ ħsara bħal dik jieqaf kollox b’sempliċiment irtirar ta’ dak li jkun ingħad? Ngħidu ‘sorry’ u daqshekk?
Ma jirrealizzax dan Jason Azzopardi illi kieku kellu jkejjel b’xibru dwar dak li jingħad dwaru kieku jmissu ilu għomor ma joħroġ barra bil-mistħija?
Sadattant għall-informazzjoni tiegħek għażiż qarrej u għal dik tiegħek Sur Avukat: Jien, Frans Ghirxi, lil Ryan Spagnol ma nafux minn Adam u QATT ma kellimtu.
Eżempju li għandu jkun imitat
Nhar il-Ħadd li għadda Julia Farrugia, Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, fl-artiklu tagħha ta’ kull ġimgħa f’din il-gazzetta, elenkat 12-il miżura mħabbra fil-Budget 2025 li issa daħlu fis-seħħ. Miżuri li minnhom se jibbenefikaw persuni b’diżabilità. Jidhirli li fil-jiem li għaddew Michael Falzon, Ministru tal-Familja u Drittijiet tat-Tfal, ukoll għamel elenku ta’ miżuri tal-Budget 2025 li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li issa daħlu fis-seħħ.
Dawn huma affarijiet li mhux l-ewwel darba li appellajt għalihom biex isiru. Hemm raġunijiet diversi għala dawn għandhom jingħataw pubbliċità. Ngħid li huwa fid-dmir ta’ kull Ministru li jitkellem u jikteb dwarhom mhux fl-okkażjoni tal-Budget biss imma f’kull okkażjoni li xi miżura kontemplata fil-Budget tiddaħħal fis-seħħ. Ikun tajjeb li l-miżuri fis-seħħ ikunu enfasizzati mal-poplu aktar u aktar meta nafu li għandek min jipprova jnessihomlok jew jaljenak minnhom.
Kont ħadt ħafna gost meta kien ġie deċiż li fil-kont tad-dawl u l-ilma nibdew ningħataw kemm dak l-istess kont kellu sussidju fuqu. Mhux għax kont fost dawk li kont ili ninsisti biex dan isir.
Huwa kollu minnu li l-Gvern kontinwament itambar b’kemm-il miljun ewro qed ikun sussidjat il-prezz tal-enerġija imma żgur li jolqot aktar dirett meta lill-persuna konċernata tgħidilha: Dan il-kont għandu sussidju fuqu li jammonta għal tant. Li ma kienx għal dan is-sussidju l-kont tiegħek kien jiżdied b’dan l-ammont.
Nemmen li l-istess għandu jsir fuq is-servizzi tas-saħħa u dawk edukattivi fost oħrajn. Tkun xi ħaġa kbira kieku lil kull pazjent li jkun ingħata kura fl-isptar Mater Dei mal-Karta tar-Rilaxx jingħatalu rendikont ta’ kemm swietlu lill-pajjiż il-kura li jkun ingħata u li ovvjament għaliha ma jkun se jħallas xejn?
Jekk mhux se jsiru affarijiet bħal dawn ftit li xejn tista’ tlum lil min jaħseb li kollox jaqa’ mis-sema, li kollox huwa ggarantit. Anke jekk kull wieħed u waħda minna nafu kemm trid tħallas fil-privat għall-kura li tingħata f’Mater Dei.