Saturday, December 21, 2024

Apparat f’qalbha salvaha 11-il darba f’disa’ xhur 

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Omm minn Leicestershire fl-Ingilterra qasmet l-esperjenza tagħha mal-ġurnali bil-ħsieb li tqajjem aktar kuxjenza favur il-kundizzjonijiet tal-qalb fit-tfal.

Omm iċ-ċkejkna Evelyn Anderton spjegat dwar il-mument li fih bintha kienet qiegħda tilgħab kuntenta u f’saħħitha u ftit istanti wara spiċċat ittieħdet lejn sptar b’urġenza minħabba kundizzjoni f’qalbha.

Il-każ seħħ f’Settembru tal-2020 meta ċ-ċkejkna kellha biss 18-il xahar. Dak iż-żmien Evelyn kienet tiekol, tilgħab u tagħmel kollox normali bħal tfal oħra.

L-omm tirrakkonta kif bintha bdiet taqleb għajnejha u l-bżonn li l-ġenituri jżommu kemm jista’ jkun kalmi biex jirreaġixxu fl-aħjar interess ta’ uliedhom fl-iqsar ħin possibbli. Talbet għall-assistenza medika u mal-wasla tagħhom kollox kien jidher tajjeb. Minkejja dan minħabba l-età żgħira tagħha, Evelyn ittieħded fi sptar għal aktar osservazzjoni. 

Minħabba l-pandemija, iċ-ċkejkna ma kellhiex min iżommilha jdejha u l-omm kienet qiegħda tistenna f’kamra oħra bla ma taf x’qiegħed jiġri minn bintha. Kif daħal l-ispeċjalista, l-omm ġiet mgħarrfa li x’aktarx bintha kellha problema f’qalbha u li din kienet qiegħda tħabbat b’rittmu ferm aktar mgħaġġel milli sippost. Qalulha li fortunatament bil-kura immedjata li ngħatat is-sitwazzjoni kienet ġiet kontrollata. Wara ġiet l-aktar mistoqsija li ħasdet l-omm. Ġiet mistoqsija jekk hijiex konxja ta’ mewt ta’ tfal għal għarrieda fil-familja u hawnhekk spiċċat issummata.

Minn testijiet oħra li saru rriżulta li bintha kienet tbati minn Brugada Syndrome u kellha ssirilha operazzjoni maġġuri li fiha tpoġġielha apparat apposta li jgħin lill-qalb tirregolarizza r-ritmu f’każ ta’ attakk tal-qalb.

F’disa’ xhur, dan l-apparat kellu jintervjeni 11-il darba biex jirregolarizza r-rittmu tal-qalb taċ-ċkejkna u din hija prova ta’ kemm it-teknoloġija tista’ ssalva l-ħajjiet.

Ekonomija

Sport