Tibda l-kumpilazzjoni kontra l-aħwa Joseph u Analise Brignone, akkużati bi traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus
Meta quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bdew jinstemgħu x-xhieda fil-proċeduri legali fil-konfront ta’ Joseph u Analise Brignone, l-Ispettur Mark Anthony Mercieca spjega kif wara li għamlu aktar minn xahrejn isegwu l-passi tal-akkużati, il-Pulizija għamlet tfittxija fid-dar tagħhom fejn minbarra armi tan-nar u flus kontanti, huma sabu wkoll kwantità ta’ droga saħansitra fuq il-mejda tal-kċina.
L-aħwa Brignone qed ikunu mixlija bil-pussess u t-traffikar tad-droga kokaina, kannabis u tad-droga sintetika, b’ħasil ta’ flus u li wettqu dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru minn post iffrekwentat miż-żgħażagħ. Joseph Brignone waħdu qed ikun akkużat ukoll bil-pussess ta’ armi, li kiser diversi sentenzi tal-Qorti u li kien reċediv.
Fuq il-pedana tax-xhieda, l-Ispettur Mercieca mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga beda biex spjega kif fix-xhur li għaddew, il-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni fuq l-imputat Joseph Brignone li allegatament kien involut fi traffikar ta’ droga.
Il-Pulizija bdiet b’osservazzjoni fuqu u mill-investigazzjonijiet li saru, sabu li kien qiegħed jiffrekwenta ċertu postijiet waqt li fir-residenza tiegħu f’Bormla kienu jidħlu u joħorġu diversi persuni magħrufa li għandhom il-vizzju tad-droga.
L-Ispettur Mercieca ssokta jgħid li mill-istħarriġ li għamlu rriżulta wkoll li Joseph Brignone kien qiegħed jagħmel użu minn diversi vetturi li kienu jġorru diversi valuri fuqhom u li mir-rekords irriżulta li huwa ma kellu ebda impjieg.
Qal li l-Pulizija sabet ukoll li l-imputat Joseph Brignone kellu żewġ garaxxijiet – wieħed f’Wied il-Għajn, fejn kien iżomm vettura tal-għamla Mercedes, u ieħor fil-Fgura fejn deher kemm-il darba dieħel u ħiereġ minnu.
Wara xahrejn isegwu l-passi tiegħu, inħareġ mandat mill-Maġistrat Joseph Mifsud biex isiru tfittxijiet fir-residenza tiegħu, fil-garaxxijiet u anke fir-residenza fejn kienet toqgħod oħtu Analise flimkien ma’ missierha Emanuel Brignone.
L-Ispettur Mercieca spjega kif nhar il-25 ta’ April li għadda, il-Pulizija osservat lil Joseph Brignone isuq lejn il-garaxx tiegħu f’Wied il-Għajn u minn hemm ħareġ Mercedes fil-preżenza ta’ persuna femminili.
Huwa mbagħad kien ipparkja din l-istess vettura viċin ir-residenza ta’ missieru, it-tnejn daħlu fiha u wara użaw Toyota Vitz li kienet tgħajjat lil oħtu. Huwa pparkja din il-karozza biswit ir-residenza tiegħu li tinsab fi Triq San Mikiel, Bormla.
L-Ispettur kompla jispjega li aktar tard matul il-ġurnata huwa deher idur bil-Mitsubishi Pajero fl-akwati ta’ Ħaż-Żabbar u waqt li kien għaddej fi Triq il-Kottoner, il-Birgu twaqqaf mill-Pulizija.
Minn tfittxija li saret fuqu nstabu madwar €2,625 fi flus kontanti, mobile phone, arma tan-nar semi-awtomatika tal-għamla Beretta li kien fiha żewġ balal, u żewġ qratas suspettati droga ta’ lewn aħdar u abjad rispettivament.
Il-Pulizija mbagħad marru jagħmlu tfittxija ġewwa r-residenza tiegħu, fejn hemm sabu lis-sieħba tiegħu ma’ binha ta’ sentejn. L-Ispettur Mercieca spjega li fil-kċina kien hemm mejda li fuqha kien hemm diversi sustanzi, oġġetti relatati mad-droga u anke flus kontanti.
Mill-kċina ġew elevati wkoll erba’ notebooks li fihom kien hemm miktub diversi ismijiet u n-numri tagħhom. Mill-istess residenza ġew elevati diversi ċwievet fosthom tnejn tal-vetturi Mercedes, u nstabu wkoll airgun, munizzjon u crossbow.
L-Ispettur Mercieca kompla jgħid li fir-residenza ta’ oħtu Analise nstabu diversi sustanzi suspettati drogi, xfafar u crushers fost oħrajn. Qal ukoll li fil-kamra tas-sodda tagħha nstabu ċavetta, tliet mobile phones, pistola, crusher u fil-gwardarobba nstab basket ieħor b’ammont imdaqqas ta’ droga fih.
Ġie spjegat ukoll li nstabet id-droga mas-saqajn tas-sodda u li f’safe wara mera nstabu €11,080 fi flus kontanti.
Intant, minn tfittxijiet li saru ġewwa l-garaxxijiet tal-akkużat Joseph Brignone fil-Fgura u f’Wied il-Għajn instabu vetturi u muturi, sustanzi suspettati drogi, u diversi armi tan-nar fosthom airguns, senter tal-kaċċa u anke pistoli.
L-Ispettur Mercieca spjega wkoll li fost il-vetturi u muturi li ġew ikkonfiskati kien hemm Mitsubihi Pajero, BMW 530, BMW 535, Mercedes Benz, Toyota Vitz, Honda CRM ta’ kulur aħmar, Kawasaki u Suzuki GSXR.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri, li qed jidhru għall-akkużati, rringrazzjaw lill-Qorti talli wriet sens kbir ta’ “responsabbiltà u ġustizzja” meta ffissat is-seduta tal-lum biex tisma’ x-xhieda “f’dawn iż-żminijiet delikati u diffiċli.”
Il-każ ikompli nhar l-Erbgħa.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Mark Mercieca u Eman Hayman.