Saturday, December 21, 2024

APPARTMENT 12 U 13

L-Avukat Joe Brincat

Aqra wkoll

Dan l-aħħar kien hemm min qajjem li l-gvern,  mhux qed jagħmel dak kollu li qalet l-Inkjesta Pubblika dwar il-Qtil ta’ Daphne.  Ngħid li hu qtil  għax assassinju jkun pilotat mill-Istat  u jiġi pruvat li kien hemm xi forza tal-Istat li għenet,  ikkmandat,  tat daqqa t’id ħalli persuna tinqatel,  u għal skop politiku.  Mort nara xi kliem juża dwar il-qtil b’bomba taħt  il-karozza ta’ Rosemary Nelson, avukat tad-drittijiet tal-bniedem li kienet tiddefendi l-minoranza!   

Il-qtil kien sar fl-1999,  u sal-lum l-Irlanda.  Fl-Unjoni Ewropea u fil-Kunsill tal-Ewropa.  Sal-lum għadu ħadd ma tressaq quddiem il-qrati bil-qtil tagħha. 

Hawnhekk kellna storja differenti.  Il-gvern aċċetta li jagħmel inkjesta pubblika,  minkejja li kien hemm proċeduri kriminal pendenti.   Il-Kunsill tal-Ewropa għadu sal-lum ma għamel l-ebda mozzjoni dwar l-Irlanda,  jew dwar il-qtil makabru ta’ Mino Pecorelli,  ġurnalist Taljan,  li saħansitra kienu jindikaw li seta’ kien hemm Andreotti warajh jew nies tiegħu.  Qatt ma saret mozzjoni kontra l-Italja.  Kulħadd xortieh.  Ir-rule of law titlob li meta jkun hemm proċeduri kriminali dawn għandhom jitħallew għaddejjin mingħajr indħil,  ikun ta’ min ikun.

L-ewwel stramberija kienet li l-familja riedu li jinbidlu t-term of reference.  U imbaghad kellhom oġġezzjoni għal membri nominati. 

Ħalli nibda fuq it-‘terms of reference’.   Meta nbidlu,  kien jidher ċar għal min ma twelidx b’subgħu f’ħalqu,  u baqa’ bih f’ħalqu,  li dak li nbidel kien imnebbaħ mhux minn Kastilja,  imma minn ftit bibien ‘l isfel fi Triq San Pawl,  fejn hemm l-uffiċċju tal-Ombudsman,  u dak iż-żmien żgur kien hemm konsulent Dr Joseph Said Pullicino (eks Prim Imhallef li kien magħżul skont ir-regoli l-antiki mill-Partit Nazzjonalista fil-gvern)   

L-Ombudsman kien għamel rapport u ppreżentah lill-ispeaker.  Meta qrajtu niftakar li splodejt.  Fi ftit kliem kien qal li l-ġid li kien qed isir kien qed jintefa’ bl-arja tal-impunità li kien hawn fil-pajjiż.   Il-kitba kienet tidher li Joseph Said Pullicino kellu  xi biċċa mit-tifsil taghha.    Oħroġ l-għaġeb il-kelma tal-impunità daħlet fit-‘terms of reference’.

Issa peress li jien ma twelidtx b’sebgħi f’ħalqi u bqajt bih  (nittama li temmnuni)  meta rajt din il-kelma tal-impunità,   ftakart fl-istorja riċenti ta’ Malta.  Qalu li kien hemm reati mhux solvuti.   Fejn kien Dr Joseph Pullicino fil-25 sena ta’ gvern Nazzjonalista u miegħu l-Ombudsman.  Għax  sakemm inqatlet Daphne  fis-16 ta’ Ottubru 2017,  Gvern Laburista kien ilu biss ftit aktar minn 4 snin.   U fis-snin l-oħra,  u l-mafra lil Joe Ii kien irikkeb fuq spallejh lil EFA,  u l-ħafna każijiet oħra ta’ bombi,  dawk x’kienu?  Biex jiksru l-monotonija tas-silenzju u s-sliem fil-pajjiż?

F’xahar ta’ Diċembru tas-sena 2010,  kien hemm bomba  ma’ Transport Malta u qtil ta’ ‘businessman’.  Dawn ma jaqgħux taħt l-impunità.   Id-diżgrazzja li tela’ l-gvern tal-Labour hux?

Sa hemm ma kienx biżżejjed.  Riedu jibdlu n-nies tal-kummisjoni u rnexxielhom.   Flok Prof Ian Refalo  riedu jdaħħlu u rnexxielhom lil ħadd għajr Dr Joseph Said Pullicino,  l-konsulent tal-Ombudsman,  li kien l-ewwel wieħed li beda jlissen fuq l-impunità u ‘rule of law’ u teoriji oħra.  Issa Profs Ian Refalo qatt ma bbaża fil-politika,  qatt ma kiteb xi artiklu politiku, u dejjem kien għaqli biżżejjed li jżomm ‘il bogħod minn kull partit.   Ara n-Nazzjonalisti fil-gvern m’għamluhx President tal-Qorti!  Ivvinataw xi ħaġa fuq xi klijent li kellu,  u allura ma kienx idoneu jew jixraq li jkun fil-kummissjoni!  U dahal Dr Joseph Said Pullicino.

Iż-żewġ appartamenti. 

Il-membri kellhom obbligu li jkunu mparzjali u indipendenti.   U wieħed mill-prinċipji tal-imparzjalità huwa li jekk xi ħadd ikun kiteb fuq is-suġġett,  m’għandux jieħu sehem.  Jien nibqa’ nsostni li Joseph Said Pullicino ma kienx fi Triq San Pawl jagħti pariri lill-Ombudsman kif l-aħjar issajjar il-qaqoċċ jew il-bebbux.  Jekk ħareġ dak ir-rapport bilfors li kien jaf x’fih u approvah.   Tant kien parti mill-Ombudsman li meta kellu s-seduti tal-inkjesta kien jinżel bil-mixi mill-uffiċċju sal-qorti.

It-tieni prinċipju li dik l-imparzjalità trid tidher,  u min ikollu xi ħaġa jiddikjaraha.   Kontu tafu li oħt Daphne Caruana Galizia,  Helene Asciak  toqgħod fi flat 12,  u Joseph Said Pullicino fi flat 13.    Jekk huma ġirien ħbieb kellu jiddikjara,  u jneħħi kull suspett.   Jekk mhumiex ġirien ħbieb ukoll kellu jiddikjara.  Tgħid meta mietet il-familja ma tawx il-kondoljanzi?  Kien hemm maġistrata li astjeniet għax kienet bagħtet il-kondoljanzi lill-oħra.      

Dan il-fatt ilu nafu,  imma ridt inkun mija fil-mija ċert.  F’pajjiż żgħir bħal tagħna fejn kulħadd jaf lil kulħadd,  għalhekk jien nopponi bil-qawwa li dik l-inkjesta għandha valur ġuridiku.   Joseph Said Pullicino kellu d-dover li jgħid li huwa ġar ta’ oħt il-vittma.  Seta’ joħroġ b’verdett li ma jogħġobx,  u jiltaqa’ fl-indana jew il-bieb ta’ barra, jew fil-lift ?

Ekonomija

Sport