Saturday, February 21, 2026

Appell kontra żewġ lukandi ta’ 14-il sular f’Tas-Sliema jintrebaħ

Aqra wkoll

Appell kontra l-approvazzjoni ta’ żvilupp estensiv f’Tas-Sliema, li jinkludi l-bini ta’ żewġ lukandi ta’ 14-il sular b’158 kamra bejniethom, intrebaħ nhar il-Ħamis meta nstema’ quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar.

Il-każ, Appell Numru 223/24JB, jirrigwarda l-permess PA/3957/21 maħruġ favur l-applikant Dale Spiteri, li permezz tiegħu huwa ppjana li jitwaqqa’ binjiet eżistenti meqjusa bħala ‘dilapidated dwellings’ u l-iżvilupp ta’ żewġ lukandi fuq sit li jkopri fi Triq Markiżi Zimmermann Barbaro kantuniera ma’ Triq Bisazza, f’tas-Sliema.

Il-proposta nkludiet wkoll skavar tas-sit, pixxini fuq il-bejt ta’ kull lukanda, pixxina interna, gymnasium, spa, kmamar tal-pjanti u substation ta’ Enemalta fil-livell -2, kif ukoll żewġ stabbilimenti tal-Klassi 4D fil-livell terran.

Parti mill-proġett tipprevjedi wkoll spazju miftuħ deskritt bħala “self-imposed piazza” tul parti mill-faċċata tas-sit, kif ukoll sinjali kummerċjali fuq il-faċċati li jagħtu għal Triq Zimmermann u Triq Bisazza.

L-appell ġie ppreżentat minn għadd ta’ għaqdiet u residenti, fosthom Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u numru sostanzjali ta’ individwi li ressqu oġġezzjonijiet waqt il-proċess quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.

L-appellanti sostnew li l-iżvilupp approvat huwa sproporzjonat għall-kuntest urban taż-żona u jqajjem tħassib dwar impatt fuq it-traffiku, l-iskala tal-bini, id-densità u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. 

Huma argumentaw ukoll dwar l-effett kumulattiv ta’ żviluppi simili fiż-żona ta’ Tas-Sliema, li matul l-aħħar snin rat żieda qawwija f’lukandi u proġetti kummerċjali fuq skala kbira.

Min-naħa tiegħu, l-applikant iddefenda l-proġett bħala wieħed li jikkonformi mal-liġijiet u sostna li s-sit jinsab f’żona urbana fejn żvilupp ta’ natura turistika huwa permess skont il-qafas regolatorju eżistenti.

L-avukat Darren Carabott deher għall-appellanti, flimkien ma’ Perit Jesmond Mugliett. 

Avukata Tanya Sciberras, li issa mietet, kienet waħda mill-persuni li oġġezzjonat. 

Għalhekk, il-permess PA3957/21 ġie rrevokat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport