Saturday, December 21, 2024

Appell lid-Deputat Mexxej Laburista

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Awwissu 2024 id-delegati tal-Partit Laburista, b’maġġoranza kbira ħafna, iddeċidew li għal darb’oħra jerġgħu jemendaw l-istatut tal-partit. Emenda li permezz tagħha l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tista’ tkun kontestata/okkupata minn Membru Parlamentari u anke minn Membru Parlamentari Ewropew. Hekk kien sar fi Frar tas-sena 2016 waqt Konferenza Ġenerali Straordinarja. F’Lulju tas-sena 2020 waqt Konferenza Ġenerali Straordinarja oħra reġa’ ġie emendat l-istatut biex din il-kariga ma setgħetx tkun kontestata/okkupata minn Membru Parlamentari jew MEP. Issa reġa’ ġie emendat l-istatut.

Ma nafx, u forsi tgħid li nħobb infettaq jew infittex ix-xagħra fl-għaġina, imma ma tarahx jistona l-fatt li l-istatut, almenu f’dan ir-rigward, spiċċa qisu biċċa lastiku? Tiġġebbed, tintelaq u terġa’ tiġġebbed. Qisna ma nafux x’irridu. Sitwazzjonijiet li żgur li jwasslu, u wasslu, għal ċerti konklużjonijiet. Aktar u aktar meta jibdew ħerġin l-ismijiet. Jekk tali konklużjonijiet kienux ġustifikati jew le ħaġ’oħra. Wieħed għad irid jara.

Sadattant, la darba tkun issejħet Konferenza Ġenerali Straordinarja biex tittieħed deċiżjoni speċifika, barra minn żmienha, għaliex għandhom jiddeċiedu biss id-delegati? Inħoss li la darba d-deċiżjoni hija STRAORDINARJA, tant li tissejjaħ Konferenza Ġenerali speċifikament għal dak l-għan, allura għandhom jieħdu sehem fid-deċiżjoni t-tesserati kollha u mhux biss id-delegati. Naħseb, forsi żbaljat, li l-loġika titlob li l-Istatut tal-Partit Laburista għandu jkun emendat f’dan is-sens.

F’din il-paġna, il-Ħadd 28 ta’ Lulju li għadda, irreferejt għall-fatt li fil-Konferenza Ġenerali Straordinarja ta’ Frar 2016 kont l-uniku delegat li tkellimt u li vvotajt kontra l-emenda. Kien hemm 393 vot favur u wieħed kontra, jien. Din id-darba la indirizzajt il-konferenza u lanqas ivvotajt peress li jien m’inix delegat. Madankollu għadni tal-istess fehma. Le, din il-kariga m’għandhiex tkun okkupata minn Membru Parlamentari jew MEP. Mhux se noqgħod nirrepeti għala nemmen hekk. Id-deċiżjoni hi li hi.

Il-ħatra se ssir lejn nofs Settembru li ġej. Min se jikkontesta ma nafx, għalkemm naf li ssemmew diversi, b’uħud b’aktar enfasi fuq isimhom. Illum nixtieq li nappella lil min se jkun fil-kariga dwar dak li naħseb li għandu/ha jagħmel jew tagħmel fost affarijiet oħrajn. Se nikkwota minn dak li ktibt fit-28 ta’ Lulju li għadda u li ovvjament għadni nemmen li għandu jsir.

Nara ħidmet id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit ffukata primarjament fl-għeruq tal-partit. Ħidma mal-kumitati lokali u distrettwali. Ħidma mal-membri tesserati. Ħidma mad-delegati. Ħidma ma’ Sindki u kunsillieri f’kunsilli b’maġġoranza Laburista. Ħidma ma’ kunsillieri li jiffurmaw parti minn kunsilli lokali b’maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista. Ħidma fost dawk li jikkontribwixxu kemm fil-qasam ġurnalistiku tal-partit kif ukoll fil-programmi kemm radjufoniċi kif ukoll televiżivi fuq l-istazzjonijiet ONE. Ħidma fost u ma’ dawk li jirrappreżentaw lill-Partit fi programmi ta’ diskussjoni. Ħidma fost il-friegħi diversi tal-partit. Ħidma u laqgħat regolari fuq bażi distrettwali għal smigħ ta’ ilmenti.

Mhux qed ngħid li dan t’hawn fuq ma sarx jew ma jsirx, jew x’inhi l-frekwenza tiegħu. Imma ddejjaqni per eżempju l-ferneżija tal-aħħar ġimgħat qabel KULL elezzjoni. Ma jidhirlix li għandu jkun hemm tali sitwazzjoni. Jekk taħdem is-sena kollha m’għandux ikun hemm dik il-ferneżija. Ma jidhirlix li huwa sewwa li għal dawk il-ftit ġimgħat KOLLOX ISIR POSSIBBLI imma mbagħad kważi kollox itir mar-riħ L-GĦADA tal-elezzjoni.

U la qiegħed fiż-żifna: appell lil min se jkun f’din il-kariga. Nistiednek tara kemm kien hemm min ma ġeddidx it-tessera, ngħidu aħna tul dawn l-aħħar ħames snin. Kemm kien hemm tesseri li ntbagħtu lura. Sarx kuntatt jew le ma’ dawk Ii ma ġeddewx it-tessera jew li bagħtuha lura. Ċertament li xi raġuni kien hemm. Qed insemmi biss żewġ ċirkostanzi Ii naf li seħħew u li urtaw bil-kbir lil Laburisti ġenwini.

Nistiednu wkoll, jew nistedinha, jitlob li jkun ikkuntattjat minn dawk li fil-jiem/sigħat ta’ qabel l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li għadda twegħdu li l-ilmenti tagħhom, li ovvjament min jaf kemm kienu ilhom iqajmuhom, se jkunu mismugħa u meta JIEM BI

SS wara ppruvaw jaraw fejn wasal il-każ tagħhom sabu widnejn torox.
F’idejk għażiż/a Deputat Mexxej tal-Partit għall-Affarijiet tal-Partit li se tinħatar f’Settembru li ġej.
[email protected]

Ekonomija

Sport