Saturday, November 23, 2024

Appell lil persuni li setgħu raw l-inċident li ħalla persuna fil-periklu li jitlef ħajtu

Aqra wkoll

B’referenza għall-artiklu pubblikat aktar kmieni dwar l-inċident tat-traffiku li ħalla raġel fil-periklu li jitlef ħajtu, il-Pulizija qiegħda tappella lill-pubbliku biex min għandu xi informazzjoni jew seta’ ra l-inċident iseħħ, jagħmel kuntatt mal-Pulizija, anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21224001 u/jew 119, jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.

Dan qiegħed isir minħabba li s’issa ħadd mill-persuni li waqfu biex jgħinu lir-raġel ma kienu fi stat li jwieġbu dwar id-dinamika tal-inċident u minħabba li fiż-żona m’hemmx cameras li setgħu jikkonfermaw dwar kif seħħ eżattament l-inċident.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aktar kmieni: Fil-periklu tal-mewt wara li tilef il-kontroll tal-mutur fin-Naxxar

Sewwieq ta’ mutur jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li lbieraħ għall-ħabta tal-4:30 p.m kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Tul il-Kosta fin-Naxxar.

Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel ta’ 26 sena residenti l-Gudja kien sofra xi ġrieħi wara li għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-mutur BMW li kien qed isuq. 

Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u aktar tard kien iċċertifikat bi ġrieħi serji. 

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin. 

Sport