Sunday, November 10, 2024

Appell lin-negozji tal-familja sabiex isegwu taħriġ li jindirizza l-ħtiġiet partikolari tagħhom

Dan it-taħriġ hu organizzat mill-Malta Enteprise, l-Uffiċċju għan-Negozji tal-Familja u l-Kamra tal-Kummerċ

Aqra wkoll

Taħriġ bl-isem ta’ Putting Your Home in Order, li jindirizza d-diffikultajiet partikolari tan-negozji tal-familja, hu offrut minngħajr ħlas u aċċessibbli fi kwalunkwe ħin matul il-ġurnata, fuq il-paġni tal-Youtube ta’ Malta Enteprise u l-Kamra tal-Kummerċ. Dan hu l-iskop ewlieni wara dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ imwassla miċ-Chairperson tal-Kumitat tan-Negozji tal-Familja fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, is-Sur Silvan Mifsud, u bil-parteċipazzjoni ta’ diversi negozji tal-familja f’pajjiżna li permezz tal-esperjenza tagħhom is-sessjoni tieħu xejra tassew effettiva.

Dawn is-sessjonijiet huma l-għodda neċessarja li individwi fit-tmun ta’ kumpanija, speċjalment negozji tal-familja, jistgħu jadattaw għall-operat tagħhom. Suġġetti jinkludu, fuq livell ħolistiku; pjanijiet tas-suċċessjoni, l-irwol ta’ individwi bħala parti mit-tmexxija tan-negozju li iżda ma jkunux parti mill-familja, mudelli ġodda li n-negozju jista’ jadatta sabiex jinvesti u jespandi f’niċeċ ekonomiċi ġodda, u sabiex ukoll ifittex elementi diversi ta’ finanzjament u assistenza minn professjonisti varji skont il-qasam neċessarju, strateġiji varji li wieħed jista’ jikkunsidra f’sitwazzjonijiet differenti, il-ġbir ta’ informazzjoni, l-analiżi u r-rappurtaġġ tal-istess informazzjoni fuq livell Ewropew li jsaħħaħ il-kumpanija u jagħmilha iktar attraenti għal-investituri, filwaqt li jikkunsidraw l-elementi ambjentali, soċjali u ta’ governanza, dawk li bl-Ingliż huma magħrufin aħjar bħala l-kriterji tal-ESG.

Dawn huma kollha sfidi partikolari għan-negozji tal-familja hekk kif ħafna jkunu ġew mxekkla minn proċessi li jkunu ilhom adattati snin ilu meta n-negozju kien jopera f’ ekonomija inqas kompetittiva u li x’aktar fiha kien għadu jitqies bħala operatur ġdid.

L-aħħar sessjoni ta’ dan it-taħriġ se tkun qed isseħħ ġewwa l-binja tal-Kamra tal-Kummerċ fid-29 ta’ Lulju mill-ħamsa ta’ filgħaxija ’l quddiem, u wieħed jista’ jirreġistra sabiex jattendi fuq: https://www.chamberorganizer.com/Calendar/moreinfo_responsive.php?eventid=422562&org_id=MLTA

Illum il-ġurnata, negozji li ma jaġġornawx kull tant snin, li ma joħolmux proġetti ġodda, li ma jkunux sostenibbli u diġitali, ikunu qed ipoġġu l-ħobża tagħhom f’riskju. Li nsegwu xejriet ekonomiċi internazzjonali u kif qed jiġu affettwati s-swieq li aħna nikkompetu fihom, huwa neċessarju pero mhuwiex biżżejjed. Irridu nkunu aktar miftuħin għall-opportunitajiet sabiex verament inrawmu iktar negozji b’mudelli ta’ operat reżiljenti, kompetittivi, u li joffru prodotti u servizzi ta’ kwalita kemm f’pajjiżna stess kif ukoll fuq livell internazzjonali.

Għal dan il-għan speċifiku, il-Malta Enterprise qegħda tassisti wkoll l-intrapriżi permezz ta’ prodotti finanzjarji u fiskali; l-inċentivi li jassistu lin-negozju tiegħek matul l-istadji kollha. Kemm jekk għadek qed tifforma l-idea, kemm jekk qiegħed tfassal il-business plan u r-riċerka għal-iswieq tal-prodott tiegħek, u kemm jekk l-operat tan-negozju wasal fi stadju avvanzat u li qed iħares biex jiddiversifika u
jespandi f’niċeċ ġodda.

Inħeġġu lil dawk l-intrapriżi sabiex jagħmlu kuntatt magħna fuq [email protected] sabiex rappreżentanti tagħna jkunu jistgħu jiltaqgħu magħkom u joffru gwida rigward l-inċentivi varji li bihom bħala Malta Enterprise nistgħu nassistuk.

Sport