Tuesday, December 24, 2024

Appell mis-sieħba ta’ Atsu għal tagħmir fit-Turkija

Aqra wkoll

Is-sieħba tal-player tal-football, Christian Atsu, li ilu nieqes mit-terremot fit-Turkija ta’ nhar it-Tnejn, talbet biex jintbagħat tagħmir fil-bini mġarraf fejn kien jgħix.

Ġie rrappurtat li Atsu, li jilgħab mal-club Tork, Hatayspor, ġie salvat minn bini “b’injuries”.

Iżda ġurnata wara l-aġent tiegħu kkonferma li fejn jinsab mhux magħruf.

“Għadni nitlob, u nemmen li hu ħaj,” qalet lil BBC News, Claire Rupio, li tgħix fi Newcastle, l-Ingilterra.

Rupio tgħid li rapporti konfliġġenti dwar fejn jinsab kienu “konfużi” u “pjuttost xokkanti”, u żvelat li wliedhom semgħu fuq ir-radju li għadu nieqes.

Hija qalet: “Nappella biex il-club ta’ Hatayspor, l-awtoritajiet Torok, u l-Gvern Ingliż, jibagħtu t-tagħmir biex in-nies joħorġu mit-terrapien – speċjalment is-sieħeb tiegħi u missieri wliedi.

“Huma jeħtieġu t-tagħmir biex joħorġuhom – ma jistgħux jidħlu daqshekk fil-fond mingħajr it-tagħmir. U ż-żmien qed jispiċċa.”

Aktar minn 21,000 persuna mietu fin-Nofsinhar tat-Turkija u fit-Tramuntana tas-Sirja mit-terremot u x-xokkijiet ta’ wara.

Atsu – flimkien ma’ Taner Savut, id-direttur sportiv tal-club ta’ Hatayspor – ilu ma jidher mit-terremot ta’ nhar it-Tnejn.

Nhar it-Tlieta, il-viċi-president ta’ Hatayspor qal lill-midja Torka li Atsu nstab ħaj, iżda l-Erbgħa figuri oħra mill-club, kif ukoll l-aġent ta’ Atsu, Nana Sechere, qalu li ma setgħux jikkonfermaw dan.

Rupio qalet li l-aġent issa jinsab fit-Turkija u qed jipprova jasal fil-bini f’Hatay li Atsu jinsab fih.

Atsu, ta’ 31 sena, lagħab 107 logħbiet ma’ Newcastle u kellu perjodi ma’ Chelsea, Everton u Bournemouth.

Il-Premier League ħabbar li se jagħti donazzjoni ta’ £1 miljun lill-Appell tal-Kumitat ta’ Emerġenza għad-Diżastri (DEC) biex iwassal għajnuna umanitarja lil dawk li għandhom bżonnha fit-Turkija u s-Sirja.

Barra minn hekk, bħala marka ta’ rispett lejn dawk li tilfu ħajjithom, jew li huma affettwati minn dawn l-avvenimenti traġiċi, il-players tal-Premier League u uffiċjali tal-logħba qed jilbsu faxex suwed fil-logħob fi tmiem il-ġimgħa.

Ekonomija

Sport