Nisa li ħarġu miċ‑ċirku tal‑vjolenza u li bbenefikaw mis‑servizzi ta’ appoġġ ta’ Fondazzjoni Sebħ, fetħu qalbhom dwar it‑trawmi li ffaċċjaw u enfasizzaw l‑importanza tal‑istabbiltà finanzjarja biex setgħu jaħarbu minn relazzjonijiet abbużivi. Waqt li qasmu l‑esperjenzi ta’ abbuż li ġarrbu ma’ diversi stakeholders li jistgħu jagħmlu differenza f’dan il‑qasam, dawn in‑nisa għamlu appell urġenti biex jinbidlu l‑policies biex jingħata appoġġ aħjar lil nisa li ħarġu miċ‑ċirku tal‑vjolenza kif ukoll jipprevjenu l‑vjolenza.
Dawn in‑nisa kuraġġużi tefgħu dawl fuq l‑ostakli li ffaċċjaw u l‑appoġġ li għenhom jiġu fuq saqajhom permezz tal‑proġett “Our Journey, Our Voice”, imniedi mill‑Fondazzjoni Sebħ aktar kmieni din is‑sena. Dan il‑proġett tahom pjattaforma biex jirrakkontaw l‑esperjenzi tagħhom u jaħdmu għal soċjetà aħjar.
Lill-vittmi oħra: “Fittxu l-għajnuna”
Permezz ta’ din l‑inizjattiva n‑nisa rrakkontaw kif ħafna drabi ħassewhom li ma nftehmux sew jew ġew iġġudikati mis‑soċjetà. Dan minkejja li kienu huma li soffrew il‑vjolenza. Ħeġġew ukoll lil oħrajn li qegħdin jiffaċċjaw abbuż biex ifittxu l‑għajnuna, filwaqt li enfasizzaw l‑importanza ta’ sistemi ta’ appoġġ li jkunu aċċessibbli u mogħtija b’empatija.
Dawn in‑nisa saħqu li l‑istabbilità ekonomika tagħhom kienet ewlenija biex jinqatgħu minn dawn ir‑relazzjonijiet. Spjegaw kif, “is‑soċjetà trid tifhem li n‑nisa jispiċċaw imorru lura għal dawn ir‑relazzjonijiet diffiċli għax ma jistgħux ikampaw finanzjarjament waħedhom waqt li fl‑istess ħin iridu jieħdu ħsieb iċ‑childcare għal uliedhom”.
Huma appellaw ukoll għal miżuri ta’ kontabbiltà aktar b’saħħithom immirati lejn dawk li jwettqu l‑vjolenza u li jġiegħlu lill‑aggressur ifittex bilfors l‑għajnuna.
Talba biex ma tibqax tintuża l-kelma “vittma”
Barra minnhekk in‑nisa enfasizzaw kif il‑lingwa ssawwar il‑perċezzjonijiet, u ħeġġew biex ma tibqax tintuża l‑kelma’ ‘vittma’, peress li din tneħħi s‑setgħa lil dawk li jixtiequ joħorġu jew ħarġu miċ‑ċirku tal‑vjolenza u tagħtiha lill‑aggressuri. Kwistjoni oħra li tqajmet u li għandha tingħata attenzjoni b’mod urġenti kien il‑bżonn ta’ pieni aktar ħorox għall‑aggressuri biex jipproteġu aħjar lil dawk li sofrew vjolenza.
Kerry Hermitage, Maniġer għas‑Servizzi tal‑Familja ta’ Fondazzjoni Sebħ, qalet li, “aħna onorati ferm li ħdimna ma’ dawn in‑nisa inkredibbli, li r‑reżiljenza u s‑saħħa tagħhom fit‑tfittxija għall‑ħelsien mill‑abbuż u fil‑ħidma tagħhom biex iġibu bidla, jispirawna biex inkomplu naħdmu għal din il‑ġlieda kontra l‑vjolenza.”
Tkompli l-kampanja “Stand with Sebħ”
Filwaqt li s‑16‑il jum ta’ attiviżmu kontra l‑vjolenza abbażi tal‑ġeneru se jintemmu għada, il‑kampanja “Stand with Sebħ” se tkompli għaddejja matul is‑sena biex tibqa’ tqajjem kuxjenza dwar il‑vjolenza fuq in‑nisa u t‑tfal.
“Stand with Sebħ” tmur lil hinn mill‑posters li tpoġġew fil‑ħwienet, negozji u organizzazzjonijiet madwar diversi lokalitajiet biex juru solidarjetà kontra l‑vjolenza. Il‑kampanja qiegħda tagħti l‑għodod u l‑informazzjoni meħtieġa lill‑komunitajiet biex jappoġġaw lill‑vittmi. Ħafna individwi li jesperjenzaw vjolenza jista’ jkun ma jfittxux l‑għajnuna mingħand il‑professjonisti. Minflok, jagħżlu li jiftħu qalbhom ma’ xi ħadd mill‑komunità tagħhom.
Id‑Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ, Yvonne Mallia, enfasizzat li, “il‑vjolenza ma tiqafx wara 16‑il ġurnata. Il‑kampanja ta’ Sebħ hija għas‑sena kollha u tiżgura li l‑messaġġ ta’ tolleranza żero għall‑vjolenza jibqa’ viżibbli u attiv kuljum”.
Fondazzjoni Sebħ qiegħda timxi fuq is‑sejħa għall‑azzjoni li talab il‑Papa Franġisku biex individwi, komunitajiet, u dawk li jfasslu l‑policies jaħdmu għal soċjetà ħielsa mill‑vjolenza fuq in‑nisa u t‑tfal. Fi kliem il‑Papa: “Jeħtieġ li naġixxu issa, fil‑livelli kollha, b’determinazzjoni, urġenza u kuraġġ.”