Sunday, December 22, 2024

Applikazzjonijiet biex l-impjant ta’ Sant Antnin jinbidel f’Park għall-familja

Il-PM isostni li ħadd mhu se jitħalla juża x-xibka soċjali għall-gwadann personali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Minn Wied Fulija kien hemm miżbla u ħloqna Park tal-familja, mill-Qortin kien hemm miżbla u ħloqna Park għall-familja”, Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li żied iħabbar li daħlu l-applikazzjonijiet biex l-impjant ta’ Sant Antnin jinbidel f’Park għall-familja wara li fl-aħħar xhur beda jitnaqqas l-operat tiegħu. Waqt attività f’Marsaxlokk Dr Abela ltaqa’ man-nies u wieġeb diversi mistoqsijiet dwar diversi temi importanti fosthom l-immaniġġjar tal-iskart. Huwa żied jgħid li proġett bħal dan seta’ jsir billi żdiedet is-separazzjoni tal-iskart. Huwa fakkar li għar-residenti ta’ Marsaskala kienet insapportabbli li jgħixu fl-irwejjaħ u kien ikollhom jipprotestaw biex jgħixu fil-paċi.

Enfasizza li fejn jidħol l-immaniġjar tal-iskart, l-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista kienet li jkompli jkabbar il-miżbliet, liema strateġija seta’ addotta wkoll il-gvern immexxi minnu billi jħalli borża waħda sewda li tinġabar kuljum u meta timtela’ miżbla jinstab post alternattiv. 

Is-soċjetà għadha ma warrbitx ċertu preġudizzji minkejja riformi kbar

Mistoqsi rigward il-EuroPride u kummenti li segwew, liema kummenti wrew nuqqas ta’ għaqda li fl-aħħar mill-aħħar hija l-iskop ta’ din l-attività, il-Prim Ministru qal li l-assenza tal-Partit Nazzjonalista mill-ftuħ hija kontinwazzjoni ta’ dak li għamel il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-gvern u allura kellu l-opportunità li jagħmel ir-riformi.

“Kemm huwa ta’ pjaċir għalija li niltaqa’ ma’ ġenitur li qalli li bis-saħħa tar-riforma li għamiltu intkom stajt ningħaqad mas-sieħeb tiegħi fiż-żwieġ u kellu anke tarbija f’idejh”, kompla Dr Abela filwaqt li aċċenna li għad fadal ħafna fejn nimirħu u li forsi s-soċjetà għadha ma warrbitx ċertu preġudizzji li jirriflettu l-bidliet kbar li saru fejn tidħol id-diversità.

Il-PM b’messaġġ b’saħħtu lill-Korp biex ikompli jaħdem

Mistoqsi għar-reazzjoni għal dak li kiteb l-eks Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi rigward l-allegat skandlu tal-invalidità, il-Prim Ministru qal li jiskanta kif il-bniedem li mexxa lil pajjiżna lejn rata ta’ qgħad rekord u ħafna iżjed persuni dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali jasal jitkellem hekk dwar il-gvern Laburista. Il-Prim Ministru fakkar li sentejn ilu s-Segretarja responsabbli fl-Uffiċċju tiegħu mal-iċken suspett mill-bord mediku, marret diretta għand il-Kummissarju tal-Pulizija, irrappurtat dak li rriżulta u talbitu jagħmel l-investigazzjonijet. Malli l-investigazzjoni bdiet tindika li seta’ kien hemm politiku involut, hu ddeċieda li jitlob ir-riżenja tal-membru parlamentari konċernat. Qal li l-indaġni baqgħet għaddejja u kien hemm saħansitra persuni li tressqu l-Qorti. 

“Il-messaġġ li nibat lill-Korp huwa wieħed ċar … Ibqgħu wettqu x-xogħol li qegħdin tagħmlu u li żgur li mhux se naċċettaw li xi ħadd jabbuża mix-xibka soċjali tal-pajjiż għall-gwadann personali”, sostna Abela filwaqt li saħaq li l-verità hija għalkollox bil-kontra ta’ dak li qiegħda tipprova timplika l-Oppożizzjoni rigward sitwazzjoni ta’ xiri ta’ voti b’dan l-abbuż fuq il-benefiċċji.

Il-kontribut tal-ħaddiema għandu jgħin mhux ixekkel

Fejn tidħol iż-żieda fil-popolazzjoni, il-Prim Ministru qal li x-xogħol huwa l-iprem għodda li uża l-Partit Laburista fil-gvern biex jeqred id-dipendenza fuq il-benefiċċji. Filwaqt li l-Prim Ministru saħaq dwar il-bżonn li l-poplu jħossu sigur fil-komunità, ikkonferma li ġibed l-attenzjoni tal-Ministru Byron Camilleri wara li sema’ residenti Qriema li esprimew din l-preokkupazzjoni ta’ persuni li jibżgħu joħorġu waħedhom. Kompla biex jitkellem dwar il-fatt li għal ċertu xogħlijiet hija realtà li m’hawnx biżżejjed Maltin u li għalhekk dawn il-barranin qegħdin jidħlu għal ċertu xogħlijiet importanti fosthom fis-settur tas-saħħa u tal-indafa pubblika li huma tant meħtieġa. Rigward l-aġenziji li jipprovdu riżorsa umana għal pajjiżna, il-Prim Ministru qal li dawn huma importanti imma hemm bżonn li pajjiżna jidħlu biss ħaddiema li għandna bżonn. Huwa qal li trid issir aktar ħidma biex il-kontribut tal-ħaddiem barrani tgħin biex timbotta lill-Malti ’l fuq fejn l-aqwa opportunitajiet ikunu għall-Maltin u l-Għawdxin.

Is-sitwazzjoni tat-traffiku

Fejn tidħol is-sitwazzjoni tat-traffiku, il-Prim Ministru qal li ħadd ma jista’ jagħti l-impressjoni hija xi ħaġa tal-lum. Saħaq li mill-2013 ’il quddiem, gvern Laburista xammar il-kliem biex tkissret il-perċezzjoni li t-toroq jieħdu kisja tarmak meta jiġi l-papa biss, lejn viżjoni ambizzjuża biex saru proġetti infrastrutturali kbar. Ma eskludiex il-fatt li l-bidu tal-iskejjel mistennija żżid l-intensità tat-traffiku u għalhekk żied isostni dwar il-preżenza ta’ iktar uffiċjali fit-toroq tagħna u għalhekk għaddejja ħidma biex l-entitajiet ikunu mħejjija mingħajr ma jirkbu waħda fuq l-oħra.

Stabbiltà

Il-Prim Ministru jaċċerta lill-pubbliku li bħalma għamel quddiem sfidi kbar internazzjonali, il-budget li jmiss se jkun qiegħed jibni fuq dak li sar tajjeb u l-għan aħħari se jkun il-ġid komuni u għalhekk se jara li fost l-oħrajn tinżamm l-istabbilità fuq il-prezzijiet tal-enerġija.

Ekonomija

Sport