Thursday, January 22, 2026

Appoġġ finanzjarju ġdid għal 42 għaqda permezz tal-Iskema ta’ Fondi għall-Għaqdiet Kulturali taż-Żgħażagħ parteċipi fil-Karnival 2026

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Żgħażagħ u Festivals Malta taw appoġġ finanzjarju ta’ €160,000 lil 42 għaqda kulturali permezz tal-Iskema ġdida ta’ Fondi għall-Għaqdiet Kulturali taż-Żgħażagħ parteċipi fil-Karnival 2026.

Din iċ-ċerimonja hi xhieda tal-impenn tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ fil-Karnival Malti, filwaqt li jippromwovi l-kreattività, l-identità kulturali u l-espressjoni artistika b’mod inklussiv u sostenibbli.

Il-fondi allokati permezz ta’ din l-iskema qed jiġu mqassma fost l-għaqdiet benefiċjarji sabiex jiffaċilitaw il-produzzjoni ta’ kostumi, żfin, mużika u elementi artistiċi oħra marbuta mal-Karnival 2026. Din l-għajnuna qed tippermetti lill-għaqdiet ikomplu jinvestu fil-kwalità, fl-innovazzjoni u fit-talent lokali.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici sostna li din l-iskema ġdida hija konferma ċara tal-valur li għandu l-Karnival bħala wieħed mill-espressjonijiet kulturali u komunitarji ewlenin. Il-Ministru Bonnici sostna li l-Karnival jgħaqqad il-ġenerazzjonijiet, isaħħaħ l-identità Maltija u joħloq spazju fejn l-arti, it-tradizzjoni u l-innovazzjoni jiltaqgħu. Huwa rringrazzja lill-organizzaturi, lill-voluntiera u lill-artisti għall-ħidma bla heda tagħhom, u enfasizza l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-kultura.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti enfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jingħataw l-għodda u r-riżorsi biex ikomplu jinnovaw. Huwa tenna li, “Din iċ-ċerimonja tikkonferma l-fiduċja tagħna fiż-żgħażagħ u fil-kapaċità tagħhom li jwasslu ideat friski u viżjoni moderna fi tradizzjoni li ilha magħna għal ġenerazzjonijiet. L-appoġġ li qed jingħata llum huwa investiment fil-kreattività tagħhom, fl-identità kulturali tagħna u fil-futur tal-Karnival Malti.”

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Għaqdiet Parteċipanti tal-Karnival, Clint Axisa rringrazzja lill-awtoritajiet għall-appoġġ kontinwu u rrikonoxxa l-ħidma tal-għaqdiet kollha involuti. “Il-Karnival huwa frott ta’ ħidma kollettiva li ssir tul is-sena kollha minn voluntiera, artisti u żgħażagħ impenjati. Din l-iskema u ċ-ċerimonja tal-lum jagħtu spinta qawwija lill-għaqdiet biex ikomplu jtejbu l-livell artistiku u organizzattiv tagħhom, filwaqt li jżommu ħajja tradizzjoni li hi parti essenzjali mill-identità Maltija,” qal is-Sur Axisa.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Gvern ikompli jikkonferma l-impenn tiegħu li jsaħħaħ l-ekosistema kulturali tal-pajjiż, jappoġġja l-volontarjat u joħloq aktar opportunitajiet għal parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ f’avvenimenti kulturali nazzjonali ta’ importanza kbira bħall-Karnival.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport