Friday, August 15, 2025

APPOĠĠ QAWWI LILL-KULTURA TAL-FESTI MALTIN

Aqra wkoll

Diġà għadda nofs l-istaġun tal-festi Maltin. U dak li fadal sa tmiem dan l-istaġun jixhdu l-popolarità li dawn qed ikabbru man-nies tal-lokal u anke mal-barranin li jiġu jżuruna bħala turisti f’dawn ix-xhur. 

Fl-imgħoddi, kull Gvern ħadem bl-istil tiegħu biex iqawwi u jkattar il-kultura tal-festi Maltin għaliex irrealizzaw li dawn għandhom potenzjal ekonomiku x’jikkontribwixxu lejn il-pajjiż. Imma qatt daqs illum ma qed naraw dawn il-festi jikbru permezz tal-għajnuna li qed jingħataw mill-Istat. Tant hu hekk li l-UNESCO ddikjarat lill-festa Maltija bħala wirt kulturali intanġibbli. 

Għalina, dan mhu xejn inqas minn rivoluzzjoni kulturali kbira li forsi lanqas qed nagħtu kas l-importanza tagħha. Taħt amministrazzjoni Laburista, kemm ta’ Joseph Muscat u anki ta’ Robert Abela, rajna bidla kbira fl-attitudni. Bidla li minn sitwazzjoni fejn il-festi kienu jiddependu kważi għalkollox fuq il-ħidma sfiqa ta’ ħafna volontiera u benefatturi, illum għandna festi li qed jingħataw sostenn u appoġġ qawwi mill-Gvern. Kull festa qed tingħata għajnuna finanzjarja sostanzjali li tlaħħaq il-mijiet tal-eluf ta’ ewro. 

Dawn l-għajnuniet finanzjarji kollha qatt ma konna nisimgħu bihom qabel. Qatt daqs illum ma kien hemm skemi apposta mħaddma mill-gvern sabiex isostnu l-festi titulari u sekondarji fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin kollha. Il-mentalità dwar il-festi Maltin evolviet tant illi fejn qabel il-pika kienet tant kbira li xi kultant kienet twassal għal affarijiet mhux mixtieqa, illum il-festi u l-marċi qed isiru b’aktar trankwillità u pjaċevoli għan-nies tal-lokalità u għal dawk id-dilettanti li jħobbu jżuru l-festi f’diversi lokalitajiet.

F’dan il-qasam, li kieku ma kienx għall-intervent f’waqtu tal-Gvern li jixtri diversi każini li kienu f’riskju ta’ żgumbrament, kieku l-festi fil-lokalitajiet fejn kien hemm l-inċidenza ta’ żgumbrament ma kinux isiru kif saru jew kif se jkunu qegħdin isiru.

B’kollox diġà hemm 12-il sede ta’ soċjetajiet mużikali li nxtraw b’mod konklussiv mill-Gvern, li se jservu ta’ investiment fil-komunità u qed jingħataw lura lin-nies. Dan, fl-għarfien assolut li l-każini tal-baned huma pilastri kulturali, jgħallmu l-mużika, iżommu l-festi ħajjin u jsaħħu l-identità Maltija. Inizjattiva li skont il-Ministeru tal-Kultura, se tħares il-wirt tagħna għal-lum u għall-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport