Thursday, February 26, 2026

Appoġġ wiesa’ fil-Parlament Ewropew għall-kawża Ukrena

Is-Soċjalisti jgħidu li l-assi Russi ffriżati għandhom jintużaw fir-rikostruzzjoni tal-pajjiż

Aqra wkoll

Il-gruppi ewlenin fil-Parlament Ewropew tennew l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-kawża Ukrena u għas-sħubija eventwali tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea. Dan ħareġ waqt sessjoni plenarja speċjali din il-ġimgħa fi Brussell fl-okkażjoni tar-raba’ sena mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.

Waqt intervent imqanqal il-leader tal-Grupp Soċjalista Iratxe García Pérez sostniet li filwaqt li l-self ta’ 90 biljun ewro għall-Ukrajna kien “pass importanti ‘l quddiem”, dan ma kienx biżżejjed għall-futur tal-pajjiż. F’dan s-sens, hija appellat biex l-Unjoni Ewropea tibda taħseb biex tuża l-210 biljun ewro f’assi Russi li jinsabu ffriżati biex dawn jintużaw biex jiffinanzjaw ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Spjegat li dan ma jkunx att ta’ tpattija iżda wieħed ta’ ġustizzja. 

Fl-intervent tagħha, l-MEP Spanjola kritikat lill-President Russu Vladimir Putin u qalet li din il-gwerra kienet l-akbar żball strateġiku tar-Russja sa mit-tmiem tal-Gwerra Bierda u insistiet li l-Ewropa għandha tibqa’ magħquda wara l-kawża Ukrena. 

“Din mhix kwistjoni biss dwar id-difiża tal-Ukrajna, iżda d-difiża tal-Ewropa wkoll.”

García Perez qalet li Putin m’għandu ebda rieda li jasal għal paċi, iżda għandu bżonn il-gwerra u kunflitt permanenti biex isostni r-reġim tiegħu. Hija appellat lill partiti pro-Ewropej biex ma jikkollaborawx ma’ mexxejja li ma jridux il-paċi u li jibqgħu jiddefendu lil Moska. 

“Ma nistgħux niddefendu l-proġett Ewropew filwaqt li niftiehmu ma’ dawk li jridu jkissru l-Ewropa minn ġewwa”, qalet lid-deputati parlamentari.

Min-naħa l-oħra, il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew kien rappreżentat mill-Membru Parlamentari Ewropew veteran Michael Gahler li ddeskriva lil Putin bħala ditattur u kellu kliem iebes ukoll għal  dawk il-mexxejja Ewropej, fosthom Victor Orban tal-Ungerija, li kienu qed juru xi forma ta’ appoġġ lil Moska. 

L-MEP Ġermaniż sostna li l-unika mod biex ir-Russja jkollha tinnegozja bis-serjetà huwa billi tinżamm il-pressjoni militari fuqha u bit-tisħiħ tal-ħiliet ta’ difiża tal-Ukrajna. 

“Aħna l-Ewropej għandha nwasslu aktar sistemi ta’ difiża tal-ajru u ħiliet ta’ attakk preċiżi biex il-produzzjoni tal-armi Russa titnaffar.” Gahler sostna wkoll li l-Ewropa għandha tibda taħseb ukoll kif se toffri garanziji kredibbli ta’ sigurtà lill-Ukrajna wara t-tmiem tal-gwerra.

F’riżoluzzjoni approvata mill-maġġoranza assoluta tad-deputati Ewropej fi tmiem is-sessjoni, il-Parlament Ewropew talab għal aktar sanzjonijiet kontra r-Russja u kontra uffiċjali Russi involuti fil-gwerra. Ir-riżoluzzjoni titlob ukol għal aktar infurzar tas-sanzjonijiet eżistenti u ssostni li l-artijiet li ġew okkupati fl-Ukrajna mhumiex se jiġu rikonoxxuti bħala Russi.

L-istess sessjoni plenarja kienet indirizzata wkoll, permezz ta’ kollegament vidjo, mill-President Ukren Volodymyr Zelensky, li ġedded l-appell ta’ pajjiżu biex ikollu indikazzjoni ċara għal meta dan jista’ jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. 

“Għalina jkun jfisser ħafna li jkollna data ċara ta’ meta nistgħu nissieħbu fl-UE”.

Huwa wissa li mingħajr impenn ċar, ir-Russja tista’ tuża d-diverġenzi fl-Ewropa biex iżżomm lill-Ukrajna mwaħħla għal żmien twil.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport