Monday, November 25, 2024

Appointments internazzjonali għal referees Maltin

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa reġgħu lura l-kompetizzjonijiet tal-clubs Ewropej, b’żewġ timijiet ta’ uffiċjali assenjati biex jikkontrollaw il-partiti fil-UEFA Youth League.

It-Tlieta fis-2pm fi Trabzon (it-Turkija), ir-referee tal-FIFA Matthew Degabriele se jmexxi l-konfront tal-UEFA Youth League bejn Trabzonspor A.Ş. tat-Turkija u t-team Daniż FC Midtjylland Youth.

Matthew se jkun assistit fil-belt Torka minn Jurgen Spiteri u Mitchell Scerri bħala ż-żewġ Assistenti Referees tiegħu, filwaqt li mat-trio Malti se jingħaqad l-uffiċjal Tork Bulent Birincioglu bħala r-raba’ uffiċjal.

Intant, referee ieħor tal-FIFA se jkun fl-azzjoni għal dmirijiet internazzjonali din il-ġimgħa hekk kif Trustin Farrugia Cann bħalissa jinsab fit-Tramuntana tal-Italja inkarigat li jmexxi l-partita tal-UEFA Youth League nhar l-Erbgħa li ġej bejn AC Milan Youth (ITA) u FC Porto Youth (POR).

Għal din il-partita, Trustin se jkun assistit minn Luke Portelli u Duncan Spencer it-tnejn jingħaqdu miegħu bħala ż-żewġ Assistenti referees tiegħu li jirrappreżentaw lil Malta, filwaqt li l-UEFA fdat lit-Taljan Alessandro Prontera biex jgħin lit-trio Malti għal din il-partita bħala r-raba’ uffiċjal.

Filwaqt li tesprimi pjaċir għal dawn il-ħatriet, l-MFA xtaqet tibgħat l-isbaħ xewqat lis-sitt uffiċjali lokali kollha li se jxejru l-bandiera Maltija lil hinn minn xtutna fuq livell internazzjonali aktar tard din il-ġimgħa.

Sport