Monday, December 23, 2024

APPREZZAMENT LEJN ĠENITURI B’ULIED B’DIŻABBILTÀ

Aqra wkoll

Bħalma kien mistenni, il-budget għas-sena d-dieħla qanqal reazzjonijiet imħallta. Dan għaliex il-budget iffoka ħafna fuq ċertu setturi filwaqt li f’setturi oħra l-budget ta inqas attenzjoni. Bla dubju iżda ħadd ma jista’ jiċħad li dan il-budget kien wieħed soċjali li l-għan tiegħu hu li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Dan minkejja l-isifdi u d-diffikultajiet li pajjiżna, bħal pajjiżi oħra, qed jiffaċċja. Diffikultajiet li ġejjin l-aktar mill-gwerra fl-Ukrajna li b’konsegwenza splodiet l-għoli tal-prezzijiet l-aktar dawk tal-enerġija u l-ikel. 

L-iktar miżura soċjali li spikkat fuq il-kumplament kienet iż-żieda ta’ €4,000 lill-ġenituri li ma jistgħux jaħdmu biex jieħdu ħsieb lil uliedhom adulti b’diżabilità severa. Miżura li bdiet tgħin lil dawn il-ġenituri fl-2021 meta dakinhar il-benefiċċju kien biss ta’ €300 fis-sena. Fis-sena sena ta’ wara din il-miżura ġiet riveduta u msaħħa b’żieda ta’ €200 fis-sena. F’dan il-budget issa l-benefiċċju żdied għal €4,500 li hija ekwivalenti għal nofs il-paga minima statutorja. Skont ir-reviżjoni li tħabbret f’dan il-budget, dan il-benefiċċju se jkun qiegħed jibda jitħallas fuq bażi ta’ tliet xhur. Il-fatt li l-pagament se jkun qiegħed jingħata b’dan il-mod se jkompli jgħin lil dawn il-familji li mhux se jkollhom jistennew daqs qabel u fl-istess waqt ikunu jistgħu jippjanaw aħjar l-ispejjeż tal-familja.

Dan, tabilħaqq juri r-ruħ soċjali tal-gvern Laburista li baqa’ jkun viċin in-nies l-aktar ta’ dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tal-istat. Dan huwa twemmin ta’ gvern li dak li jemmen fih iwettqu fil-fatti u b’għaqal. 

B’din il-miżura l-gvern qiegħed jirrikonoxxi l-ħidma ta’ dawn il-ġenituri li m’għandhomx l-opportunità li jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Nifhmu li b’dan il-gvern qiegħed jippremja l-impenn kontinwu u l-imħabba ta’ dawn il-ġenituri lejn uliedhom b’diżabbiltà. Nifhmu wkoll li għan ieħor ta’ din il-miżura huwa li dawn il-persuni b’diżabbiltà qed ikomplu jingħataw il-faċilità li jintegraw ruħhom fis-soċjetà. Il-fatt li l-persuna b’diżabbiltà qiegħda tiġi megħjuna mill-ġenituri tagħha stess tirrifletti l-intimità li dak li jkun jista’ ma jħossu aktar komdu fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.

Nemmnu li din il-miżura tista’ tkun mezz ta’ kif jitrażżan il-faqar fost dawn il-familji fejn hemm persuna jew persuni b’diżabbiltà. Dan ikompli jikkonferma li minkejja kritika li dan kien budget bla viżjoni u bla direzzjoni, żgur li kellu viżjoni u direzzjoni fil-qasam soċjali. Tali miżura tikkonferma kemm il-gvern huwa determinat u sensittiv għall-bżonnijiet ta’ dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà.

Ekonomija

Sport