Saturday, January 31, 2026

“APPROĊĊ PRUDENTI MILL-PRIM MINISTRU” … L-istedina biex Malta tingħaqad fil-Bord tal-Paċi ta’ Trump

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Pajjiżi b’ekonomiji kbar u diversifikati jistgħu, b’mod relattiv, jaffordjaw pożizzjonijiet pubbliċi aktar assertivi, peress li għandhom kapaċità akbar biex jassorbu l-konsegwenzi ekonomiċi. Malta, bħala stat żgħir u integrat b’mod profond fl-ekonomija globali, trid tadotta approċċ ibbażat fuq realiżmu u kalkolu strateġiku. L-approċċ prudenti tal-Prim Ministru ma jfissirx nuqqas ta’ impenn lejn il-valuri internazzjonali jew indifferenza lejn kwistjonijiet globali sensittivi. Għall-kuntrarju, jirrifletti fehim ċar tar-responsabbiltà istituzzjonali li tmexxija effettiva teħtieġ. Il-pożizzjonijiet simboliċi, waħedhom, ma jipprovdux sigurtà ekonomika jew stabbiltà soċjali”.

Qal dan lil dan is-sit l-eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Mario Galea, fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti li fiha l-Gvern Malti ġie mistieden jingħaqad mal-Board tal-Paċi mwaqqaf mill-President Amerikan, Donald Trump.

Filwaqt li Galea jaqbel bis-sħiħ li Malta tibqa’ impenjata favur il-paċi, id-djalogu u l-multilateraliżmu, huwa spjega li, “madankollu, dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati b’mod li ma jpoġġix f’riskju l-pedamenti ekonomiċi tal-pajjiż jew l-għajxien taċ-ċittadini”.

Fl-aħħar xhur, żviluppi internazzjonali li jinvolvu lill-Istati Uniti wasslu għal tensjonijiet diplomatiċi u reazzjonijiet qawwija f’diversi pajjiżi Ewropej. Dawn ir-reazzjonijiet, li jinkludu sejħiet għal bojkott u pożizzjonijiet pubbliċi ta’ kundanna, qanqlu wkoll dibattitu fuq livell nazzjonali b’uħud jistaqsu għaliex il-Gvern Malti u b’mod partikolari l-Prim Ministru Robert Abela, adotta approċċ kawt u meqjus minflok wieħed aktar vokali.

F’din l-intervista l-eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Mario Galea, saħaq li, “huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi li, filwaqt li l-prinċipji etiċi u l-pożizzjonijiet morali huma komponent essenzjali tar-relazzjonijiet internazzjonali, id-dmir ewlieni ta’ kull gvern jibqa’ dak li jissalvagwardja l-interess nazzjonali u l-istabbiltà soċjoekonomika tal-pajjiż.

Analiżi oġġettiva tar-realtajiet ekonomiċi turi b’mod ċar li r-relazzjoni ta’ Malta mal-Istati Uniti hija pilastru fundamentali tal-ekonomija nazzjonali”. L-importanza strateġika tal-investiment Amerikan Galea spjega li l-preżenza ta’ investiment Amerikan f’Malta hija sinifikanti u ta’ valur strateġiku.

“L-Istati Uniti jirrappreżentaw l-akbar sors ta’ Investiment Barrani Dirett fil-pajjiż b’investimenti kkaratterizzati minn valur għoli, stabbiltà fit-tul u kontribut sostanzjali għall-ħolqien tal-impjiegi”. Hawn elabora kif fis-settur tal-manifattura, kumpaniji b’rabtiet mal-Istati Uniti jimpjegaw direttament aktar minn 5,000 persuna.

Speċifika kif, “meta wieħed jikkonsidra wkoll l-impatt indirett fuq is-setturi ta’ appoġġ u s-servizzi relatati, huwa stmat li madwar 30% tal-forza tax-xogħol industrijali f’Malta tiddependi, direttament jew indirettament, fuq dawn l-operazzjonijiet”.

L-eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Interprise jara li dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw realtajiet soċjali u ekonomiċi konkreti. Hawn semma’ kumpaniji ta’ livell internazzjonali, fosthom Crane Currency f’Ħal Far, li hija involuta fil-produzzjoni ta’ elementi ta’ sigurtà għad-Dollaru Amerikan, kif ukoll intrapriżi fil-qasam tal-apparat mediku, l-avjazzjoni u l-industrija tal-karozzi, huma parti integrali mill-ekosistema ekonomika Maltija.

“Kull deterjorament sinifikanti fir-relazzjonijiet ma’ dan is-sieħeb ekonomiku jkollu implikazzjonijiet diretti fuq l-impjiegi u l-istabbiltà industrijali,” wissa Galea. L-impatt tal-esportazzjoni fuq l-ekonomija nazzjonali Ir-rwol tas-suq Amerikan fl-esportazzjonijiet Maltin huwa, f’ħafna każijiet, sottovalutat. Mid-dettalji li ta, filwaqt li d-data statistika formali tidentifika l-ewwel destinazzjoni tal-esportazzjonijiet, ma tirriflettix dejjem is-suq finali tal-prodotti. Malta tispeċjalizza fil-produzzjoni ta’ komponenti ta’ valur għoli li jiġu integrati fi prodotti finali manifatturati barra minn xtutna u mbagħad imqiegħda fis-suq globali, b’mod partikolari fl-Istati Uniti.

“Stimi bbażati fuq analiżi tal-ktajjen tal-provvista jindikaw li madwar 25% tal-esportazzjonijiet totali ta’ Malta, ekwivalenti għal madwar €1.5 biljun fis-sena, fl-aħħar mill-aħħar huma marbuta mas-suq Amerikan. Dan jikkorrispondi għal kważi 5% tal-Prodott Domestiku Gross tal-pajjiż, proporzjon li jenfasizza l-importanza kritika ta’ din ir-relazzjoni għal ekonomija żgħira u miftuħa bħal dik Maltija”.

Fuq kollox Maltin Mario Galea qal li f’kuntest ta’ pressjoni internazzjonali, il-Gvern għażel li jżomm l-interess nazzjonali bħala l-punt ta’ riferiment ewlieni tiegħu. “Kif iddikjara l-Prim Ministru: ‘Jien Ewropew, imma fuq kollox jien Malti’. Din id-dikjarazzjoni tiġbor fiha l-prinċipju ta’ bilanċ bejn l-obbligi internazzjonali u r-responsabbiltà primarja lejn iċ-ċittadini Maltin”.

L-eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise temm jgħid li, “d-dmir ta’ kull gvern huwa li jiżgura l-benesseri, l-istabbiltà u l-prosperità ta’ dawk li jgħixu u jaħdmu fil-pajjiż. Billi jadotta approċċ pragmatiku u meqjus, il-Gvern qiegħed jaħdem biex isaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika ta’ Malta u jassigura pożizzjoni stabbli f’ambjent internazzjonali dejjem aktar kumpless”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport